Tnieda l-kalendarju ta’ Heritage Malta b’aktar minn 70 attività għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. F’dawn l-attivitajiet mistennija diversi avvenimenti u esperjenzi għal pubbliku ta’ kull età.
L-attivitajiet ivarjaw minn esperjenzi ta’ gost u tagħlim għat-tfal għal wirjiet, rappreżentazzjonijiet minn atturi, attivitajiet għall-membri ta’ Heritage Malta, taħdidiet minn kuraturi, tours tematiċi.
Ser ikun hemm ukoll ftuħ speċjali ta’ siti magħluqin, dawriet fuq il-baħar, mixjiet b’tema storika, esperjenzi fl-ekwinozju, kif ukoll ikliet organizzati minn Taste History li hija l-fergħa gastronomika ta’ Heritage Malta.
Dan tħabbar f’konferenza stampa mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Fit-tnedija, il-Ministru Bonniciqal li dawn l-inizjattivi jservu ta’ opportunità għal pubbliku sabiex ikollu aktar għarfien fuq l-istorja u l-kultura Maltija.
“Dan il-programm tal-lum huwa ħolqa oħra minn ħidma sħiħa li twassal biex tingħata tifsira ġdida tal-aċċessibbiltà għall-patrimonju tagħna,” qal Dr Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li bħala l-protettur ta’ aktar minn 8,000 sena ta’ storja, l-aġenzija għandha l-missjoni li tħares il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
“Dan huwa dak li Heritage Malta tipprova twettaq kuljum bl-aħjar mod possibbli, u dan huwa l-għan ewlieni tal-kalendarju ta’ attivitajiet,” spjega s-Sur Zammit.
Aktar tagħrif dwar l-attivitajiet ta’ Heritage Malta matul l-ewwel sitt xhur tas-sena jinsabu fuq is-sit: https://issuu.com/heritagemt/docs/hm_events_calender_issuu.