Thursday, December 25, 2025

Aktar minn 7,000 anzjan jirċievu rigal tal‑Milied grazzi għall‑Welfare Committee

Aqra wkoll

Aktar minn 7,000 anzjan li jgħixu fir‑residenzi għall‑anzjani f’Malta, inklużi residenti f’San Vinċenz de Paul u fi djar oħra madwar il-pajjiż, irċevew rigal speċjali tal-Milied fuq inizjattiva annwali li tiġi organizzata mill‑Welfare Committee, b’kooperazzjoni mal‑Anzjanità Attiva u Kura fil‑Komunità (AACC).

L-iskop ta’ din l-inizjattiva hu li jiġu infurzati l-valuri ta’ komunità, solidarjetà u ferħ festivi, fost dawk li llum jgħixu fid-djar tal-anzjani. Ir-rigali kienu jinkludu prodotti ta’ iġjene personali u kartolina tal-Milied b’messaġġ personali ta’ xewqat sbieħ.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Anzjanità Attiva, Dr Malcolm Paul Agius Galea, ħa l‑opportunità biex, flimkien mal‑amministrazzjoni tal-ministeru, qassmu wkoll parti mir-rigali u offrew xewqat sbieħ tal-Milied lill-anzjani.

Fil-kumment tiegħu, Agius Galea spjega kif din l‑azzjoni tifforma parti mill‑impenn biex il-kura tal-anzjani tkun waħda sħiħa li tinkludi l-bżonnijiet soċjali u emozzjonali tagħhom ukoll. “Il-ferħ li naraw fuq wiċċ l-anzjani meta jirċievu rigal huwa xhieda tal-umanità li rridu nkomplu nwasslu permezz tas-servizzi tagħna,” temm jgħid is‑segretarju parlamentari.

Min-naħa tiegħu, is‑Segretarju Permanenti, Dr Renzo De Gabriele, enfasizza li inizjattivi bħal dawn huma strumentali biex innaqqsu s-solitudni u nkomplu nsaħħu l-valur ta’ għaqda bejn il-ġenerazzjonijiet u r-rispett lejn l-anzjan.

Apparti din l-inizjattiva, il-Welfare Committee jaħdem b’mod kontinwu biex jilqa’ kemm il-bżonnijiet materjali kif ukoll dawk emozzjonali tal-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali. L-għan ta’ dan il-kumitat hu li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani permezz ta’ proġetti li jġibu tbissima fuq wiċċhom u joħolqu memorji sbieħ speċjalment fi żminijiet importanti bħall-Milied, l-Għid u Jum l-Omm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport