Monday, December 8, 2025

Aktar minn 80 operatur fl-industrija jippromwovu l-opportunitajiet ta’ investiment fis-suq tal-proprjetà f’Malta

Malta b’delegazzjoni storika ta’ intraprendituri f’inizjattiva ta’ Property Malta f’expo f’Shanghai

Aqra wkoll

Malta mexxiet l-akbar delegazzjoni ta’ intraprendituri Maltin li qatt żaru ċ-Ċina, b’aktar minn 80 rappreżentant mis-settur tal-bini u s-suq tal-proprjetà li ħadu sehem f’inizjattiva organizzata mill-Property Malta Foundation. Id-delegazzjoni tmexxiet mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard , li saħaq dwar l-impenn ta’ Malta għal aktar investiment barrani, żvilupp aktar sostenibbli u aktar kollaborazzjoni internazzjonali.

Waqt id-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-LPS Shanghai Luxury Property Exhibition, il-Ministru Attard iddeskriva lil Malta bħala punt strateġiku għal investituri internazzjonali u kkonferma l-impenn ta’ pajjiżna fejn jidħlu fatturi importanti bħalma huma t-trasparenza, is-sostenibbiltà u l-istandards ta’ kwalità għolja.

“Malta tinsab miftuħa għan-negozju,” qal il-Ministru Attard. “Avvenimenti bħal-LPS Shanghai jservu ta’ pontijiet li jgħaqqdu flimkien ekonomiji, kulturi u nies. Avvenikenti bħal dawn jippermettulna naqsmu l-istorja ta’ Malta. Aħna nilqgħu investituri li jaqsmu l-viżjoni tagħna ta’ tkabbir sostenibbli u innovazzjoni.”

Il-Ministru enfasizza dwar l-istabbiltà, il-kwalità tal-ħajja u l-qafas legali b’saħħtu ta’ Malta bħala punti ewlenin li jsostnu ekonomija reżiljenti u suq tal-propjetà li kulma jmur qiegħed jitrassforma ruħu f’wieħed aktar attraenti. Huwa nnota li Malta toffri valur fit-tul u vantaġġi ta’ stil ta’ ħajja kemm bħala ritorn finanzjarju kif ukoll fuq livell ta’ għajxien.

“Property Malta tinsab fil-qofol tat-trasformazzjoni ta’ Malta,” żied jgħid. “Hija qed tippromwovi lil Malta fuq livell internazzjonali u fl-istess ħin qed tappoġġja r-riformi li jsaħħu t-trasparenza u l-integrità tas-settur.”

Il-Ministru Attard rrefera wkoll għal riżultati riċenti ta’ KPMG li kkonfermaw il-kontribut tas-settur tal-propjetà u l-kostruzzjoni għall-ekonomija Maltija. Meta jittieħdu inkonsiderazzjoni wkoll l-effetti indiretti, is-settur jikkontribwixxi kważi 14% tal-valur gross miżjud u jimpjega eluf ta’ ħaddiema, iservi bħala mutur għall-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Fost l-inizjattivi ewlenin imħabbra f’Shanghai hemm it-tnedija fil-qrib tal-Property Price Register, pjattaforma online dinamika li tagħti lill-utenti, aċċess għal informazzjoni komprensiva relatata ma’ tranżazzjonijiet kuntrattwali tal-proprjetà, ix-xogħol fuq kodiċi nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni biex jiġu infurzati standards ta’ sigurtà, kwalità u sostenibbiltà, kif ukoll riformi regolatorji kontinwi biex tissaħħaħ il-professjonalità u l-integrità fil-liċenzjar u l-klassifikazzjoni tal-kuntratturi u l-aġenti.

Is-Sur Sandro Chetcuti, Chairman tal-Property Malta Foundation, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-parteċipazzjoni b’saħħitha tad-delegazzjoni Maltija. “Jien kuntent li rajt delegazzjoni ta’ dan id-daqs u kburin li qed jinbnew konnessjonijiet ġodda biex flimkien nippromwovu lil Malta u l-opportunitajiet ta’ investiment li kapaċi joffri pajjiżna. Nixtieq nirringrazzja lill-Ministru Attard talli appoġġja inizjattivi ta’ Property Malta, fosthom f’Expo internazzjonali bħal din f’Shanghai.”

Il-Ministru Attard stieden lill-parteċipanti biex iżuru l-Paviljun ta’ Malta, jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Property Malta Foundation immexxija mis-Sur Chetcuti, u jiskopru l-opportunitajiet dejjem jikbru li Malta toffri lill-investituri internazzjonali.

Id-delegazzjoni Maltija esprimiet ukoll ir-ringrazzjament tagħha lill-Konslu Ġenerali ta’ Malta f’Shangai s-Sinjura Lisa Azzopardi u lit-tim dedikat tagħha għall-appoġġ u l-koordinazzjoni tagħhom. L-impenn u l-għajnuna tagħhom kienu strumentali biex jiġi assigurat is-suċċess tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-LPS Shanghai u biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u ċ-Ċina. Għal dan l-avveniment attenda wkoll l-E.T is-Sur John Busuttil, Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li kompla jenfasizza dwar l-importanza tar-relazzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport