“Is-suċċess tan-negozji tagħna jfisser ukoll suċċess għall-ħaddiema, għaż-żgħażagħ u fuq kollox, għall-familji tagħna“
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi wara li hu ffirma l ftehim flimkien mal-European Investment Bank u European Investment Fund biex jiġu allokati aktar fondi għal ‘SME Initiative’, li se tipprovdi aktar għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji fil-forma ta’ self.
L-SMEi tikkonsisti f’instrument finanzjarju ffinanzjat b’fondi Ewropej, biex iservi bħala garanzija li tippermetti lill-banek jieħdu riskju akbar u li tagħti l-possibbiltà ta’ self lill-SMEs bi tnaqqis fir rekwiżiti ta’ kollateral, u b’rati ta’ imgħax aktar baxxi.
Is-Segretarju Zrinzo Azzopardi qal li: “permezz ta’ żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi għall-Istrument Finanzjarju tal-SMEi, aħna qed nibnu fuq l-impenn tal-gvern li jrid ikun ta’ appoġġ għan-negozji tagħna. Meta tikkunsidra ċ-ċirkostanzi attwali, l-Gvern Malti għamel ħafna biex jiżgura li jkun hemm appoġġ kontinwu għall-intrapriżi sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq l-SMEs Maltin.”
Huwa għal din ir-raġuni li ttieħdet deċiżjoni biex iżżid l-allokazzjoni għal dan l-instrument b’ €7 miljuni oħra sabiex tagħmel disponibbli madwar €29 miljun addizzjonali f’ self li se jkun faċilment aċċessibbli b’ kundizzjonijiet vantaġġjużi sa tmiem din is-sena. Din iż-żieda mal-allokazzjoni oriġinali tal-SMEi tirriżulta f’portafoll ta’ self totali li jammonta għal €118 miljun, li jista’ jintuża wkoll bħala eżenzjoni mill-kapital tax-xogħol.
Hu temm jgħid li “Dan iservi bħala opportunita għan-negozji tagħna biex jinvestu u jikbru anki matul dan iż-żmien, sabiex meta nibdew nirkupraw wara COVID-19, l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jkomplu minn fejn ħallew u joħorġu aktar b’saħħithom.”