Friday, December 13, 2024

Aktar minn 90% tal-pubbliku għandu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija

Aqra wkoll

L-istħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ippubblikat ilbieraħ, dwar fiduċja b’saħħitha fil-Korp tal-Pulizija juri ħidma sfiqa li qed issir mill-istess Korp favur it-tisħiħ tas-sigurtà u ż-żamma tal-ordni.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri spjega kif dan l-istess stħarriġ mhux biss qed juri fiduċja għolja fil-Korp tal-Pulizija iżda jeħtieġ jittieħed fil-kuntest tar-rapport dwar il-kriminalità li ġie ppubblikat il-ġimgħa l-oħra mill-Prof. Saviour Formosa. Fil-fatt, ir-rapport juri kif il-kriminalità f’pajjiżna naqset b’5.4% u b’hekk l-istrateġija tal-Korp tal-Pulizija, b’aktar preżenza fil-komunità, qed tkompli tipprevjeni l-kriminalità.

Il-Ministru Camilleri fakkar kif proġett pilota li beda fil-Mellieħa erba’ snin ilu, jiġifieri l-Pulizija fil-Komunità ħalla l-frott u b’miżura tal-Budget għal din is-sena, dan il-proġett issa se jkun mifrux mal-pajjiż kollu. “Dan l-istħarriġ tal-NSO jikkumplimenta l-istħarriġ tal-Ewro Barometru li sar ftit tax-xhur ilu, li wkoll wera kif il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Korp tal-Pulizija żdiedet bi 15%, u li għalhekk ġab il-Korp f’livell mal-medja Ewropea,” irrimarka l-Ministru Camilleri.

L-NSO qal kif aktar minn 90% tal-pubbliku għandu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn, 45% għandhom fiduċja għolja jew għolja ħafna, waqt li 45% qalu li għandom fiduċja medja.

Il-persuni li stqarrew fiduċja fil-Korp tal-Pulizija taw ir-raġunijiet tagħhom, fosthom:

• Il-Pulizija jaġixxu b’mod ġust, dinjituż u/jew b’rispett (49%);
• Il-preżenza tal-Pulizija tinħass (40%); u
• Il-Pulizija aġixxew u/jew ġew meta kellhom bżonnhom jew meta kkuntattjawhom (32%).

L-istess stħarriġ juri li 55.3% tal-Maltin u l-Għawdxi għandhom opinjoni tajba jew tajba ħafna tal-Korp tal- Pulizija.

Ekonomija

Sport