Wednesday, April 23, 2025

Aktar minn 900 clubs jibbenifikaw minn fondi tal-UEFA

Aqra wkoll

Il-Programm tal-Benefiċċji tal-Clubs tal-UEFA kkonferma l-allokazzjoni ta’ fondi li għandhom jitqassmu lill-clubs mal-55 Assoċjazzjoni Membru fi ħdan il-familja tal- football Ewropew, inkluż numru ta’ clubs Maltin li kellhom players imsejħa fl-iskwadra nazzjonali tal-irġiel waqt il-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

Il-fondi jkopru ċiklu ta’ erba’ snin bejn l-2020-2024 li matulu Malta ħadet sehem f’żewġ edizzjonijiet tal-UEFA Nations League u kampanja waħda ta’ kwalifikaz­zjoni għall-Kampjonat Ewropew.

Erbatax (14) il-club Malti akkumulaw somma totali ta’ €1.2 miljuni matul dan iċ- ċiklu, bil-ħlasijiet allokati skont mudell ta’ distribuzzjoni stabbilit kif indikat fit-tabella hawn taħt.

F’kumment dwar il-Programm tal-Be­nefiċċji tal-Clubs tal-UEFA wara t-tħabbira tal-UEFA, il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li nara livell akbar ta’ solidarjetà lejn il-football lokali.

Grazzi għall-players li huma msejħa għall-iskwadra nazzjonali tal-irġiel għal-logħbiet mill-kompetizzjonijiet tal- UEFA, il-clubs rispettivi qed jirċievu fondi sostanzjali biex jgħinu fit-tkabbir tagħhom.

“F’temp ta’ ftit snin, il-Malta FA rnexxielha toħloq flussi ta’ dħul importanti għall-clubs, u dan huwa l-aktar dovut għall- parteċipazzjoni attiva tagħna fil-livell tal-UEFA kif ukoll għad-deċiżjonijiet strateġiċi meħuda mill-Assoċjazzjoni biex ittejjeb l-awtonomija kummerċjali tal-clubs tagħna.

“Huwa wkoll inkoraġġanti li naraw li parti minn dawn il-fondi se jitqassmu lil clubs li mhumiex parti mil-livell ta’ fuq tal-football Malti, iżda li madankollu huma parti integrali mill-piramida tal-football domestiku.”

Vassallo tenna r-rieda tal-Assoċjazzjoni li toħloq skemi ġodda ta’ għajnuna finanzjarja għall-clubs fid-diviżjonijiet baxxi. “L-Assoċjazzjoni qed taħdem b’mod attiv biex tgħin lill-clubs iż-żgħar li ġew milquta finanzjarjament mit-telf ta’ pagamenti ta’ soli­darjetà wara l-ftehim li sar bejn il-UEFA u l-ECA,” qal il-president tal-Malta FA.

“Qegħdin inħarsu lejn programmi ġodda ta’ għajnuna finanzjarja li jippermettu lill-clubs fid-diviżjonijiet aktar baxxi jkomplu jinvestu fis-settur taż-żgħażagħ. Din il-ħidma hija maħsuba wkoll biex tiżgura li l-ebda wieħed mill-membri affiljati tagħna ma jaqa’ lura.”

Intant, il-clubs li se jkunu qed jirċievu fondi permezz tal-UEFA Clubs Benefits Programme, li issa jinsab fit-tielet ċiklu tiegħu, ivarjaw minn livell elite għal dilettanti. Dan il-prinċipju huwa rifless ukoll fit-tqassim tal-ħlasijiet għall-clubs Maltin.

Il-fondi li ngħataw il-clubs huma:

– Malta FA – €1,240,401

– Balzan  – €40,249

– Birkirkara  – €171,973

– Sirens  – €14,636

– Floriana  – €87,816

– Gudja United  – €3,659

– Gzira United  – €47,567

– Hamrun Spartans  – €307,356

– Hibernians  – €234,176

– Marsaxlokk  – €10,977

– Zabbar St Patrick  – €7,318

– Santa Lucia  – €25,613

– Sliema Wanderers  – €84,157

– Valletta  – €193,927

– Zejtun Corinthians  – €10,977

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport