Tuesday, July 22, 2025

Aktar minn €16-il miljun ta’ fondi Ewropej fi proġetti soċjali approvati taħt l-ESF+

Aqra wkoll

F’attività tħabbru 14-il proġett ġdid li se jibbenefikaw minn finanzjament totali ta’ madwar €16 miljun taħt il-Programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+) 2021–2027.

Il-proġetti approvati jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali tal-pajjiż u jkopru diversi oqsma importanti bħas-saħħa, l-inklużjoni, l-edukazzjoni tul il-ħajja, u l-iżvilupp komunitarju. B’mod partikolari, seba’ proġetti b’investiment ta’ €11.6 miljun se jkunu qed jiġu implimentati mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, partikolarment fuq is-saħħa pubblika, it-taħriġ professjonali u l-ħolqien ta’ ambjent aħjar tax-xogħol fil-qasam mediku.

Proġetti oħra li se jkunu finanzjati huma ta’ appoġġ dirett għat-tfal, żgħażagħ u persuni b’diżabilità minn organizzazzjonijiet bħal Inspire Malta, il-Jesuit Refugee Service u l-Church Schools Children’s Fund. Hemm ukoll proġetti ta’ lifelong learning f’diversi setturi li se jkunu qed jitwettqu mill-Ministeru għall-Kultura u l-Gvern Lokali, kif ukoll mill-Ministeru għat-Turiżmu, kif ukoll proġetti oħra li se jkunu mmirati għall-integrazzjoni ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

Waqt din l-attività, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ppreżenta l-ittri ta’ għotja lir-rappreżentanti tal-proġetti magħżula, bħala pass uffiċjali li jagħti bidu għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-investimenti. “Dawn il-proġetti mhumiex biss numri fuq karta – huma proġetti reali li għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja tan-nies, isaħħu s-servizzi u jiżguraw li ħadd ma jibqa’ lura. B’dan l-investiment, qed naraw kif il-fondi Ewropej jistgħu jkunu forza pożittiva fis-soċjetà tagħna.”

Il-ministru żied jgħid li dawn l-inizjattivi juru b’mod ċar l-impenn tal-Gvern biex jassigura li l-fondi Ewropej jintużaw b’mod effiċjenti u bl-akbar impatt possibbli fuq il-ħajja tan-nies.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Permanenti responsabbli għall-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo, tenna l-importanza li l-fondi Ewropej jiġu amministrati b’sens ta’ tmexxija responsabbli u b’kollaborazzjoni kontinwa. “Dan l-investiment mhux biss jirrifletti l-impenn ta’ pajjiżna biex jindirizza ħtiġijiet soċjali, imma wkoll l-effikaċja ta’ ħidma kollettiva bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u dawk tas-soċjetà ċivili.”

B’dawn il-proġetti ġodda, il-programm ESF+ f’Malta issa jinkludi 25 proġett approvat, b’investiment totali ta’ madwar €159 miljun, u rata ta’ kofinanzjament ta’ 60%. Il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Programm ESF+ se jkomplu jmexxu l-proċess ta’ monitoraġġ u appoġġ sabiex jiġi żgurat li dawn il-proġetti jintlaħqu bir-riżultati mixtieqa filwaqt li jħallu impatt sostenibbli fuq livell nazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport