Thursday, March 27, 2025

Aktar minn €200,000 f’arretrati ma kinux tħallsu lil food couriers 

Aqra wkoll

Għadd ta’ kumpaniji li jħaddmu magħhom food couriers tressqu fil-Qorti biex iwieġbu għal akkużi relatati ma’ ksur ta’ liġijiet tax-xogħol. Fil-qorti, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-bieraħ filgħodu instema’ kif l-allegat ksur ta’ liġi irriżulta li aktar minn €200,000 f’arretrati ma kinux tħallsu lil food couriers. L-arretrati kienu relatati max-xogħol tagħhom.

L-ewwel xhud fis-seduta tal-bieraħ kien Christopher Galea, il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-Ispettorat fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER), li spjega li huwa flimkien ma’ kollegi oħra, kienu qed jikkordinaw din l-investigazzjoni li ħadet ammont ta’ snin. 

Galea qal li dan is-settur ħa żvolta qawwija fi żmien il-pandemija madanakollu liġi speċifika dak iż-żmien ma kienx hemm. Qal li bdew joħorġu diversi artikli li kienu jgħidu li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-food couriers ma kinux kif mixtieqa jew skont il-liġi. 

“Anke dak iż-żmien meta konna nimxu b’minimum standard order, jidher li kien hemm ħafna irregolaritajiet. Wara li daħlet il-liġi li tkopri l-platform work, konna ltqajna mal-istakeholders kollha, inkluż il-fleet operators u anke mal-kumpaniji Wolt u Bolt,” qal ix-xhud li spjega li l-akkużi huma relatati ma’ investigazzjoni li kienet saret u li tkopri l-perjodu bejn Marzu u Ġunju 2024.

Qal li l-food couriers bdew jilmentaw li kellhom tnaqqis fl-allowances u anke kienu għamlu strajk biex iwasslu l-appelli tagħhom għal kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Żied jgħid li d-Dipartiment kien ġie avviċinat ukoll mill-General Workers’ Union tramite s-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja kif ukoll mill-unjin Solidarjetà fost oħrajn, minħabba li dawn saħqu li kienu avviċinati minn diversi food couriers u kienu mbeżża’ jressqu l-ilment tagħhom. 

F’dan ir-rigward, id-Dipartiment iddeċieda li jniedi investigazzjoni u talab għad-dokumentazzjoni kollha, kemm mingħand il-fleet managers, il-Wolt u Bolt, l-impjegati, il-proof of payment fl-erba’ xhur inkwistjoni, il-kuntratti tal-impjegati u kwalunkwe evidenza oħra.

Galea xehed ukoll li diġà ttieħdu passi fil-konfront ta’ erba’ kumpaniji minħabba li naqsu milli jipprovdu l-informazzjoni kif mitluba u sussegwentement inbdew il-proċeduri fil-konfront ta’ 39 kumpanija oħra minħabba allegat ksur ta’ liġijiet tax-xogħol. 

Fis-seduta tal-bieraħ xehdet ukoll Mary Grace Cassar, li kienet team leader f’din l-investigazzjoni, li ppreżentat fil-Qorti l-informazzjoni li huma kienu rċevew mingħand Bolt u Wolt. Imbagħad xehdu wkoll rappreżentanti minn Bolt, Wolt u anke minn Jobsplus.

Il-każ ikompli. Sadanittant, aktar kmieni fis-seduta, sitt Diretturi ta’ kumpaniji tal-food couriers kienu ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom u kienu mmultati €1,076.44ċ kull wieħed.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport