Wednesday, December 24, 2025

Aktar minn €26 miljun f’benefiċċji lil 61,200 familja fi tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Daħlu fis-seħħ l-ewwel sitt miżuri minn 53 miżura li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal,   għandu xi jwettaq mill-Budget 2026. Dawn il-miżuri  jolqtu lil familji bi tfal taħt is-sittax-il sena, familji li qed jiffosterjaw, u koppji u persuni singoli bi dħul baxx.

Dan ifisser li fi tmiem din il-ġimgħa ser ikunu tqassmu aktar minn €26 miljun f’benefiċċji lil 61,200 familja.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar il-Ħamis waranofsinhar.

Il-Ministru Michael Falzon spjega kif dawn il-pagamenti qed isiru bil-quddiem, kif ilu jsir għal dawn l-aħħar 12-il sena u jkopru l-ewwel kwart tal-2026.

 ‘‘Qed naraw kif l-investiment fic-Children Allowance rdoppja tul l-aħħar 12-il sena, dan għaliex verament nemmnu fil-familji tagħna, u rridu naraw lil kulħadd  jikseb l-potenzjal tiegħu. Fil-fatt l-akbar investiment jolqot 42,000 familja bi 62,200 tifel u tifla taħt is-sittax-il sena li jirċievu ċ-Children Allowance’’, saħaq il-Ministru Michael Falzon. 

It-titjib f’dan il-benefiċċju jolqot l-aktar 10,800 familja bi 15,670 tfal taħt is-sittax-il sena, lid-dħul disponibbli tagħhom huwa relattivament baxx jew medju, u għalhekk jħallsu l-anqas taxxa jew ma jħallsux taxxa.

Għalhekk biex tingħata aktar għajnuna lil dawn il-familji żidna b’€2,566 għal €30,000 l-limitu tad-dħul nett li jistabbilixxi r-rati li huma ogħla mir-rata bażika.

Dawk il-familji lid-dħul tagħhom jaqbeż dan l-ammont, għalkemm xorta se jibqgħu igawdu c-Children Allowance (li fil-każ tagħhom fl-aħħar 4 snin żdiedet b’€590 kull wild) se jkunu qed igawdu aktar mit-tnaqqis qawwi fit-taxxa għal familji bit-tfal, li ser ikun mifrux fuq tlett snin. 

Fuq medda ta’ sitt snin,  id-dħul ta’ ġenituri eliġibbli għar-rata massima ta’ dan il-benefiċċju  ser ikun żdied b’ €1,007 ( jew 76%) għal €2,239 fis-sena.

Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Permanenti, Mark Musu spjega dwar kif familji li jiffosterjaw lil tfal sakemm jilħqu l-eta’ ta’ 21 sena qed jingħataw ukoll żieda ta’ €520 fis-sena fl-allowance li jirċievu għal tfal fil-kustodja tagħhom.

B’din iż-żieda, l-allowance din is-sena qed tiżdied għal €6,760 għal kull tifel u tifla. Din hija wkoll r-raba żieda mill-2018 ‘l hawn. 

Ser jingħata wkoll l-pagament lil tfal b’ diżabilta taħt is-16-il sena, u dawn ser jirċievu €35 fil-ġimgħa addizzjonali mac-Children Allowance.

‘‘Saħħaħna wkoll l-Allowance Supplimentari, fejn dan il-benefiċċju qed jitħallas lil familji li ma jirċievux Children Allowance, koppji u persuni bi dħul baxx biex tgħinhom ilaħħqu aħjar mal-ħajja. L-għadd ta’ benefiċjarji f’dan l-ewwel pagament tas-sena ilaħħaq ftit aktar minn 19,000 b’investiment ta’ € 5.2 miljun’’, saħaq is-Segretarju Permanenti, Mark Musu. 

Intant żdiedet wkoll l-għotja addizzjonali tal-Allowance Supplimentari, fejn dan is-suppliment ser jiżdied minn €100 għal €250 fis-sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport