Thursday, January 29, 2026

Aktar minn €3 miljun għall-proġetti fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli flimkien mad-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali, Emile Vassallo ħabbru investiment fuq numru ta’ proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex.

Permezz ta’ dawn il-proġetti se tkompli tiġi msaħħa l-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tal-komunitajiet tagħna. F’dawn l-aħħar snin din l-iskema bdiet tinħareġ għall-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex kollha sabiex l-istess Kunsilli jersqu huma bi proġetti li jtejbu l-ħajja tar-residenti fil-lokalità rispettiva.

L-allokazzjoni għal din is-sena se tkun ta’ kważi €3,200,000 li permezz tagħhom il-kunsilli se jagħmlu proġetti li jmorru pari passu mal-objettivi tal-iskema. Fost l-objettivi ewlenin hemm il-miri tas-sostenibbiltà soċjali, l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, filwaqt li jiżdied l-investiment fil-kwalità tal-arja u sostenibbiltà ambjentali.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif il-proġetti mressqa se jipprijoritizzaw is-saħħa fiżika u mentali  tar-residenti, kif ukoll spazji miftuħa. Hija qalet li l-irwol tal-Gvern Lokali huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti billi jipprovdi servizzi u infrastruttura essenzjali li jtejbu l-ambjent tal-għajxien fil-komunità.

“Għal sena oħra qed nerġgħu noħorġu din l-iskema, fl-isfond ta’ skemi oħra, sabiex nibqgħu nkunu ta’ sostenn għall-Kunsilli Lokali ħalli jkomplu jwettqu l-missjoni tagħhom li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti fil-lokalitajiet tagħna. Din tmur id f’id mal-Viżjoni Malta 2050. Fost dawn il-proġetti qed nagħmlu enfasi fuq spazji miftuħa u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.

Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li b’allokazzjoni rekord għal din l-iskema, qed naraw kif il-Gvern qed ikompli jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Hija rringrazzjat ukoll lill-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali għall-irwol tagħhom ftit jiem ilu meta pajjiżna kien milqut minn maltempata kbira, kif ukoll sostniet li llum il-Kunsilli Lokali saru mutur ħaj tas-soċjetà tagħna bis-servizzi li joffru, l-attivitajiet li jorganizzaw u l-proġetti li jidħlu għalihom.

Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali, Emile Vassallo, qal li d-Diviżjoni qed terġa’ tniedi din l-iskema ta’ finanzjament sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu f’pożizzjoni aħjar li jwettqu proġetti jew inizjattivi biex jgħinu l-komunitajiet tagħhom ikunu aktar b’saħħithom. Huwa kompla jispjega li permezz ta’ din l-iskema se jkunu qed jiġu offruti servizzi effettivi bħat-trasport b’xejn għar-residenti, titjib ta’ postijiet sabiex ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, kif ukoll magni tal-eżerċizzju fiżiku f’postijiet pubbliċi,  fost ħafna proġetti oħrajn.

Intant, permezz ta’ din l-iskema se jkunu qed isiru 45 proġett, li minnhom 12-il proġett se jkunu qed isiru fil-gżira Għawdxija. Il-proġetti jikkonsistu mill-iżvilupp u s-sostenn ta’ spazji miftuħa, tisbiħ, infrastruttura ġdida u iżjed xogħlijiet li minnhom mistennija jibbenifikaw ir-residenti.

Il-lokalitajiet li bbenifikaw minn dawn il-fondi huma, Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mosta, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Għargħur, Ħal Lija, l-Imsida, is-Swieqi, il-Belt Valletta, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Floriana, Paola, Ħal Tarxien, ix-Xgħajra, Ħal Qormi, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħamrun, Marsa, Marsaxlokk, Santa Luċija, Santa Venera, is-Siġġiewi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi, l-Imtarfa, il-Fontana, Għajnsielem, l-Għarb, Għasri, Ta’ Kerċem, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, Xewkija u ż-Żebbuġ Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport