Friday, December 27, 2024

Aktar minn €3 miljun investiment f’apparat ġdid fl-indafa pubblika

Aqra wkoll

Permezz ta’ investiment ta’ €3.3 miljun, ġie inawgurat tagħmir ġdid mill-aktar avvanzat li se jkompli jtejjeb l-indafa pubblika u jiżgura ambjent aktar nadif. Dan l-investiment huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jiżgura l-ogħla standards ta’ ndafa madwar il-pajjiż, filwaqt li jikkonsolida l-isforzi tal-impjegati tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.

Dan l-investiment ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield.

Il-flotta li ġiet inawgurata hija mgħammra bl-aħħar teknoloġija, li tippermetti monitoraġġ f’ħin reali. Kull vettura hija mmonitorjata kontinwament miċ-ċentru ta’ kontroll tad-diviżjoni biex b’hekk tiġi aċċertata l-effiċjenza u ħinijiet ta’ rispons aktar rapidi għal kwalunkwe rapporti li jidħlu mill-pubbliku. Dan l-approċċ jenfasizza l-impenn tal-gvern għall-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fis-servizz pubbliku.

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li dan l-investiment huwa konferma oħra dwar kemm l-indafa pubblika qiegħda tiġi ttrattata bħala parti integrali mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna. “Irridu nkomplu naħdmu biex pajjiżna jkompli jgħolli l-istandards tiegħu f’dan il-qasam sabiex verament Malta tkun destinazzjoni li toffri prodott ta’ kwalità ogħla għal kull min irid igawdiha,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield fisser kif dan l-investiment se jkompli joffri l-aqwa għodod lill-ħaddiema tad-diviżjoni u se jgħinhom biex jagħmlu l-ħidma tagħhom ferm aktar effiċjenti. “L-indafa pubblika għandha tkun responsabbiltà ta’ kulħadd u mhux ta’ din id-diviżjoni biss. Permezz ta’ dan l-investiment se nkomplu nibnu fuq dak li wettaqna ftit tax-xhur ilu. Inħares ’il quddiem biex anke permezz ta’ dan l-apparat inkomplu nibnu sinerġiji ġodda mal-Kunsilli Lokali filwaqt li naraw li dawn jitqassmu fejn hemm l-aktar bżonn,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Bl-introduzzjoni ta’ dawn il-vetturi ġodda, se jkunu koperti t-toroq arterjali madwar il-pajjiż kollu.

Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ dawn il-vetturi kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara.

Ekonomija

Sport