Sunday, November 24, 2024

Aktar minn €4 miljuni ta’ fondi Ewropej mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku għal Malta

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea qegħda talloka aktar minn €4 miljun ta’ Fondi Ewropej b’appoġġ għal għaxar proġetti li jgħinu fil-bini ta’ kapaċitajiet u riformi fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dawn l-għaxar proġetti li kkwalifikaw għal din l-għajnuna teknika jolqtu diversi setturi ta’ policy fl-amministrazzjoni pubblika fosthom il-mobbiltà b’mezzi ambjentalment nodfa, ir-rinnovazzjoni, il-qasam tas-saħħa, it-turiżmu, finanzi sostenibbli, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-iżvilupp sostenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari stqarr li dan l-istrument Ewropew ta’ Appoġġ Tekniku kompla jkun ta’ sostenn għall-proċess ta’ riformi f’diversi setturi f’Malta u dan jikkumplimenta policies nazzjonali u investimenti mill-Unjoni Ewropea f’Malta. Dan l-istrument qed ikompli jiġbed l-interess ta’ diversi entitajiet nazzjonali u fil-fatt fis-sejħa ta’ din is-sena ntagħżlu aktar proġetti mis-sejħa tas-sena ta’ qabel. L-għan ta’ dan l-appoġġ hu li jkompli jibni fuq l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ inizjattivi li ttieħdu taħt programmi ta’ għajnuna teknika oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi temm jgħid li l-proġetti f’Malta li se jkunu mgħejjuna minn dan il-programm jikkontribwixxu wkoll fl-ambitu tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tranżizzjoni għal ekonomija ħadra u diġitali, u anke għall-miri ta’ żvilupp sostenibbli. Dan ukoll se jgħin lil Malta tkompli tavvanza fl-isforzi tagħha biex il-pajjiż ikollu ambjent aħjar, soċjetà aktar diġitali u pajjiż li jagħti servizz aħjar lin-negozju u liċ-ċittadini.

Sport