Thursday, April 25, 2024

Aktar minn €70,000 f’Covid Wage Supplement għall-operaturi u negozji fil-villaġġ artiġjanali f’Ta’ Dbieġi f’Għawdex

Aqra wkoll

Skemi oħrajn għenu biex snajja’ tingħadda minn ġenerazzjoni għal oħra

Il-ħmistax-il (15) operatur fil-villaġġ ta’ artiġjanat f’Ta’ Dbieġi f’Għawdex ibbenefikaw aktar minn €70,000 f’Covid Wage Supplement bejniethom, li għenhom sabiex ikunu jistgħu jkomplu joperaw kif ukoll jissalvagwardjaw l-impjiegi. Apparti dan, Malta Enterprise u l-Kunsill Malti għas-Settur talVolontarjat (MCVS) iffirmaw ftehim fejn Malta Enterprise qed talloka lill-MCVS uffiċċju fir-Raħal tas-Snajja’ sabiex iservi bħala uffiċċju ta’ informazzjoni għall-għaqdiet volontarji f’Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri meta flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, lIsport u l-Volontarjat Clifton Grima żaru l-operaturi tal-villaġġ.
“Bħalissa, ġewwa ta’ Dbieġi hawn 15-il operatur u ninsabu fil-proċess li tlett operaturi oħra jibdew joperaw minn ġewwa dan il-villaġġ. Il-miżuri li ħabbarna, bħall-COVID Wage Supplement, għenu biex saħansitra nippreservaw snajja’ artiġjanali li llum tista’ tkompli topera u tespandi. Fi żminijiet ta’ sfida, b’sodisfazzjon ngħid li kien hemm numru ta’ operaturi minn dan il-villaġġ li bbenefikaw mill-iskema ta’ investing in crafts. Fost dawn, kien hemm erba’ operaturi li ġew intitolati għall-għotja ta’ għaxart’elef ewro sabiex jgħallmu s-sengħa tagħhom lil terzi persuni bl-iskop li jiġu impjegati jew li saħansitra jiftħu negozju artiġjanali għal rashom. Għalhekk, kif qed taraw, b’dan il-mod qed naraw li din is-snajja’ ma tintilfix, li tingħadda minn ġenerazzjoni għal oħra u li b’mod innovattiv tkun ta’ kontribut għall-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Schembri, li żied li għaddejja ħidma sabiex il-villaġġ jara iżjed ħajja, u għalhekk il-ftehim bejn Malta Enterprise u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Ftehim li, permezz tiegħu, il-Malta Enterprise qed talloka lill-MCVS uffiċċju fir-Raħal tas-Snajja f’Ta’ Dbieġi fl-Għarb, sabiex iservi bħala uffiċċju ta’ informazzjoni għall-għaqdiet volontarji f’Għawdex u jkun jista’ jaqdi aħjar lill-għaqdiet volontarji Għawdxin

Sport