Sunday, September 21, 2025

Aktar minn elf anzjan jingħaqdu flimkien għal ġimgħa mimlija attivitajiet sportivi

Aqra wkoll

Bħala parti mill-impenn kontinwu biex l-anzjanità f’Malta tibqa’ attiva, b’saħħitha u parteċipattiva, ġiet imnedija l-edizzjoni ta’ lis-Sports Day ta’ din is-sena. L-attività, organizzata mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), saret fuq ħamest ijiem konsekuttivi fil-Padiljun tal-Università ta’ Malta.

Dan l-avveniment ġabar flimkien madwar elf anzjan minn djar tal-anzjani u miċ-ċentri għall-Anzjanità Attiva, f’attività mfassla biex tinkoraġġixxi l-moviment, il-ħbiberija u s-saħħa fiżika, f’ambjent sigur. Din is-sena, sabiex tingħata aktar attenzjoni individwali lil kull parteċipant, l-attività ġiet estiża fuq numru ta’ jiem.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mas-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele, żaru lill-parteċipanti fejn tkellmu mal-anzjani u rringrazzjawhom tal-ispirtu sportiv tagħhom.

“Il-moviment u l-parteċipazzjoni ma għandhomx età. Din l-attività hija xhieda tal-enerġija, l-entużjażmu u l-kura li l-anzjani tagħna għandhom għar-rispett lejn ġisimhom, il-ħbiberija ma’ xulxin, u l-ħajja attiva f’kull mument,” qal Dr Agius Galea. “Aħna se nibqgħu naħdmu biex noffru iktar opportunitajiet bħal dawn li jsaħħu l-benesseri fiżiku u mentali tal-anzjani tagħna.”

Kull parteċipant ingħata midalja ta’ tifkira bħala simbolu ta’ rikonoxximent għall-parteċipazzjoni tagħhom. Attivitajiet bħal dawn ikomplu juru kif anke permezz ta’ inizjattivi sempliċi jista’ jinbena sens qawwi ta’ komunità għal dawk fi stadji aktar avvanzati fl-età tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport