Skont l-aħħar informazzjoni ppubblikata minn Eurostat, fl-2023 kien hemm 4.1 nisa għal kull miljun li ġew maqtula minn membru tal-familja jew sieħeb intimu. Din ir-rata hija kważi darbtejn aktar minn dik tal-irġiel f’din l-istess ċirkostanza, li kienet 2.2 għal kull miljun irġiel. Matul is-snin 2015 sa 2023, ir-rata ta’ femiċidji fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea baqgħet f’rata ta’ bejn 3.9 u 4.4 għal kull miljun. Dan juri indikazzjoni ta’ persistenza u periklu kontinwu fl-agħar forma ta’ vjolenza domestika.
L-informazzjoni ppubblikata mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ewropew turi mhux biss każijiet individwali iżda fenomenu ġenerali għall-komunità Ewropea. Iċ-ċifri jirreferu għall-livell ta’ femiċidju (qtil intenzjonat) u mhux għat-tipi differenti kollha ta’ vjolenza domestika.
Il-vjolenza domestika, li l-agħar forma tagħha huwa proprju l-femiċidju, mhiex problema privata jew kwistjoni ta’ relazzjoni imma hija problema soċjali, kulturali u strutturali.
Riformi importanti li saru f’pajjiżna
Meta wieħed jipprova jindirizza l-femiċidji ma jistax ma jibdiex billi jindirizza l-vjolenza domestika, hija ta’ liema tip hija. Dan bil-għan li ma naslux f’punt fejn il-vittma tispiċċa maqtula. L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Vjolenza Ibbażata fuq is-Sess juri li proporzjon sinifikanti ta’ nisa fl-Ewropa esperjenzaw vjolenza fiżika, sesswali jew psikoloġika minn sieħeb intimu matul ħajjithom. Din il-problema kienet u għadha tolqot lill-Ewropa kollha u l-figuri jservu ta’ twissija u sejħa biex l-ebda isem ieħor ma jingħaqad ma’ dawn it-traġedji.
Lokalment, stħarriġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), sab li fl-istess sena, jiġifieri fl-2023, total ta’ 3,589 persuna irraportaw li esperjenzaw vjolenza domestika jew għamlu użu mis-servizzi disponibbli għall-vittmi. Mill-persuni li kienu pparteċipaw, 75.4% kienu nisa. Dan ifisser li n-nisa jibqgħu l-aktar vulnerabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
L-istess rapport indika li matul is-servizzi kollha (kejlu każijiet, mhux persuni unika), ġew irrapportati 6,050 każijiet minħabba li individwi jistgħu jkunu għamlu rapporti multipli.
Il-vjolenza psikoloġika
… ħafna drabi ma “tidhirx”
Fir-rigward tat-tip ta’ vjolenza kważi 74-75% tal-każijiet irrappurtati kienu ta’ vjolenza psikoloġika; madwar 41-42% kienu vjolenza fiżika; u bejn 13-14% kienu jinkludu vjolenza sesswali, ekonomika jew kontroll jew abbuż ieħor.
Dawn in-numri juruna li vjolenza domestika mhux dejjem tfisser qtil. Ħafna drabi hija forma ta’ abbuż kontinwu (psikoloġiku, emozzjonali jew ekonomiku) li tista’ tkun moħbija iżda ta’ ħsara reali u fit-tul.
Lat pożittiv huwa li wara ħidma u għarfien għal tolleranza żero, Malta kisbet livell għoli ta’ rapportar meta mqabbel ma’ stati oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li s-sensibilizzazzjoni qiegħda tikber u servizzi relatati qegħdin jilħqu aktar vittmi.

