Il-pajjiżi għandhom sistemi ta’ protezzjoni soċjali li l-għan tagħhom huwa li jilqgħu għar-riskji soċjali differenti li jiffaċċjaw iċ-ċittadini. Fost dawn insibu d-diżokkupazzjoni, l-anzjanità u l-esklużjoni. Mill-istudju maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta (NSO) dwar “Il-Protezzjoni Soċjali 2022” ħareġ li fl-2019 aktar minn kwart tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea – 262 persuna fuq kull 1,000 – kienu qegħdin jieħdu l-pensjoni u pajjiżna f’dan il-kuntest irreġistra l-inqas proporzjon b’total ta’ 18.2% pensjonanti mit-total tal-popolazzjoni. Barra minnhekk, Malta fl-2019 ukoll irrapportat l-akbar nuqqas ta’ pensjonanti bi 2.1% ta’ persuni inqas li kienu qegħdin jieħdu dan il-benefiċċju.
Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għaċ-ċittadini jikkonsistu f’politika u programmi mmirati għal gruppi differenti ta’ nies. B’mod speċifiku, il-Gvern Malti implimenta diversi miżuri ta’ sostenn li bihom għen lin-negozji u lill-individwi li ntlaqtu ħażin mill-pandemija tal-Covid-19.
Sa tmiem l-2020 l-infiq soċjali f’Malta ammonta għal €2,622.0 miljun
Il-pubblikazzjoni mill-NSO tagħti ħarsa fid-dettall lejn is-sistema ta’ protezzjoni soċjali lokali fis-snin ta’ bejn l-2016 u l-2020. L-informazzjoni ta’ infiq soċjali timxi mal-manwal ESSPROS minn Eurostat li għandu tmien funzjonijiet: mard; diżabilità; terza età; superstiti; familja/tfal; diżokkupazzjoni; akkomodazzjoni u esklużjoni soċjali.
Fil-punti ewlenin sa tmiem l-2020 l-infiq soċjali f’Malta ammonta għal €2,622.0 miljun, ekwivalenti għħal 20.1% tal-prodott gross domestiku (GDP) tal-pajjiż. Dan kellu żieda ta’ €582.8 miljun (28.6%) fuq is-sena preċedenti. Miżuri li ħa l-Gvern għall-impjiegi biex jindirizza l-impatt negattiv finanzjarju tal-pandemija waslu għal żieda qawwija fl-infiq soċjali. Fl-2020 dawn il-miżuri ammontaw għal €410.2 miljun (96.5%) li kienu jkopru l-pagi bażiċi ta’ impjegati taħt l-iskema tal-wage supplement. Barra minnhekk, l-ispiża soċjali taħt l-iskema tal-Isptarijiet u faċilitajiet oħra tas-saħħa telgħet għal €80.8 miljun.
Ma’ dawn il-miżuri minħabba l-Covid-19, kien hemm żieda ta’ €52.9 miljun fi skemi ta’ benefiċċji kontributorji tas-sigurtà soċjali. B’mod ġenerali, fl-2020, 12 mid-19-il skema ta’ protezzjoni soċjali attivi f’Malta rrapportaw żieda fl-infiq. Il-benefiċċji mogħtija lill-anzjani (€933.4 miljun); mard/kura tas-saħħa (€828.1 miljun) u qgħad (€438.0 miljun) ammontaw għal 83.9% tal-infiq globali.
Fuq skala Ewropea fl-2019 l-infiq soċjali fis-27 pajjiżi membri kien 26.8% tal-prodott gross domestiku tal-istati membri. Franza b’31.2% kellha l-għola persentaġġ mentri l-Irlanda kienet l-inqas bi 13.0%. Imqabbla magħhom il-proporzjon ta’ Malta fir-rigward kien ta’ 14.5% biex poġġietha post wieħed biss fuq l-Irlanda fil-lista.
Fejn jidħol infiq l-aktar li saru kien proprju fuq il-benefiċċji għall-anzjani (40.2%) li hija aktar minn 30 darba iżjed mill-inqas infiq li kien fis-settur tal-akkomodazzjoni (1.3%).
Fl-2020 f’Malta kellna total ta’ 97,070 persuna li kienu qegħdin jibbenefikaw minn pensjoni b’56.4% minnhom kienu rġiel. Minn mindu bdiet tinġabar l-informazzjoni dwar il-benefiċjajrji ta’ pensjoni mill-Eurostat lura fl-2007, il-persuni li bdew jieħdu dan il-benefiċċju żiedu b’32.0%. Pensjonijiet għall-anzjani rriżultaw bħala l-akbar ammont ta’ reċipjenti li laħqu t-73,000 persuna fl-2020.
Benefiċċji skont il-lokalità
Fl-2020 33% tal-popolazzjoni f’Malta u Għawdex (170,259 persuna) li rċevew mill-inqas benefiċċju wieħed tas-sigurtà soċjali. Is-sess femminili ammonta għal 55.8% tat-total tal-benefiċjarji. Fost is-sitt distretti, ir-reċipjenti kienu jvarjaw minn 405 persuna għal kull 1,000 tal-popolazzjoni mid-distrett tan-naħa t’isfel tal-port għal 277 persuna kull 1,000 tal-popolazzjoni rreġistrata fid-distrett tat-Tramuntana.
Meta wieħed iħares lejn in-numri bil-lokalitajiet, il-Floriana kellha l-akbar porzjon ta’ persuni li ħadu benefiċċju soċjali b’448 persuni fuq kull 1,000 tal-popolazzjoni mentri l-inqas ammont ta’ benefiċjarji kienu fis-Swieqi (164 persuna għal kull 1,000 mill-poppolazzjoni).
Benefiċċji għall-anzjani kellu l-akbar ammont ta’ reċipjenti b’total ta’ 71,386 jew 138 persuna għal 1,000 ruħ fil-popolazzjoni. Il-benefiċċjarji mill-Imdina ammontaw għal 29.9% mentri fis-Swieqi kien hemm 7.4% tal-popolazzjoni fuq il-pensjoni.
Min-naħa l-oħra l-inqas ammont ta’ benefiċċji mogħtija kienet dik tal-qgħad fejn Malta rreġistrat 1.6% tal-popolazzjoni fuqhom. L-għola rata kienet f’Bormla bi 42 persuna fuq kull 1,000 tal-popolazzjoni u l-inqas kien San Lawrenz, Għawdex, b’erba’ persuni biss fuq kull 1,000 tal-poppolazzjoni.
Fejn jidħlu benefiċċji tal-familja, fl-2020 kien hemm 48,702 (9.4%) persuni li ngħataw xi tip ta’ għajnuna għall-familja, bl-aktar ammont ġie rreġistrat fost ir-residenti tax-Xgħajra b’porzjon ta’ 15.0% tar-residenti. Dan kien ta’ kuntrast qawwi mal-porzjon irreġistrat f’Tas-Sliema fejn irriżulta li dawk fuq benefiċċji tal-familja kienu biss 3.6% tar-residenti.
Fl-2020 il-benefiċċji tal-mard ammontaww għal 6.9% tal-popolazzjoni fil-pajjiż bl-akbar ammont f’Bormla u l-inqas fis-Swieqi (15.8% u 1.5% rispettivament).
Bormla rrapportat ukoll l-akbar porzjon ta’ reċipjenti għal benefiċċju għall-esklużjoni soċjali bi 13.2% tar-residenti tagħha fuq xi tip ta’ benefiċċju taħt din l-iskema. Dan kien kważi tliet darbiet iktar għoli mill-medja nazzjonali ta’ 4.6% u aktar minn 26 darba iżjed mill-inqas porzjon li kien irrekordjat fis-Swieqi b’0.5%.
Ir-rapport jelenka wkoll l-ammont ta’ superstiti li bbenefikaw minn benefiċċju fl-2020. Dan kien ta’ 33 persuna fuq kull 1,000 individwu bl-għola rata f’Ħal Luqa (78 persuna fuq kull 1,000 tal-popolazzjoni) mentri l-inqas porzjon irrapportat kien fis-Swieqi bi 13 persuna fuq kull 1,000 tal-popolazzjoni.
Fejn jidħlu l-benefiċċji ta’ diżabbiltà, fl-2020 kien hemm 9.448 persuna, jew 1.8% tal-popolazzjoni, li ħadu dan it-tip ta’ benefiċċju. Ix-Xewkija rrapportat l-għola rata ta’ benefiċjarji bi 48 persuna fuq kull 1,000 tal-popolazzjoni u l-inqas ammont irrapportat kien għal darb’oħra s-Swieqi b’ħames persuni fuq kull 1,000 popolazzjoni.
Fl-2020 il-benefiċjarji li jgħixu fil-gżejjer Maltin kellhom medja ta’ €6.032 f’benefiċċji bħala dħul.