Disgħin persuna mietu f’għargħar kbar fil-Vjetnam fl-aħħar jiem. Proprju fl-aħħar sigħat żoni sħaħ fit-Tajlandja jinsabu mgħarrqin. F’Ġunju li għadda, l-għargħar fiċ-ċentru ta’ Texas, ħallew 135 persuna bla ħajja meta għola l-ilma tax-xmara Guadalupe b’31 pied f’siegħa u nofs. Dan irriżulta li kien l-aktar għargħar qattiel fl-Istati Uniti fl-aħħar ħamsin sena. Rajna maltemp kbir jolqot ukoll żoni sħaħ fl-Ewropa u anke ħalla imwiet. Lil hinn. Mill-għargħar, hemm ukoll il-ħruq ta’ foresti, fejn fl-aħħar xhur spikkaw in-nirien kbar li ħakmu l-foresti f’Kalifornja u li wasslu biex ħafna nies tilfu djarhom jew kellhom jirrikolaw.
Illum hu fatt li l-bidla fil-klima qegħdin narawha tintensifika. Hemm min forsi ma jemminx jew jaraha esaġerata, imma li hu żgur hu li l-intensità u l-frekwenza ta’ temp estrem, qiegħed jiżdied u qed joħloq disastri wieħed wara l-ieħor. Illum hu fatt li d-dinja qabżet it-temperatura ta’ 1.5°C ’il fuq mit-temperaturi ta’ qabel ir-rivoluzzjoni industriali għall-ewwel darba fl-2024 u tinsab miexja lejn dak imbassar, li sa l-aħħar tas-seklu t-temperatura tkun għoliet bejn 2.7 u 3.7 grad.
U proprju fl-aħħar jiem inħareġ studju ieħor inkwetanti immens. Sar minn diversi xjenzati u ġie pubblikat f’Nature Climate Change. Jekk wieħed jaqra dan l-istudju, isib li dan jgħid li x-xejriet ta’ dik li tissejjaħ ‘heat dome’ u bit-temperaturi kif għolew illum, l-imwiet ta’ kull ġimgħa fl-Ewropa jistgħu joqorbu lejn il-livelli li dehru fl-agħar ġimgħat tal-COVID 19. It-tim tar-riċerka ffoka fuq ħames mewġiet ta’ sħana ewlenin bejn is-sena 1994 u s-sena 2023, inkluż l-avveniment infami tas-sena 2003. Kull wieħed minn dawk l-episodji segwa xejra simili, sistema ta’ pressjoni għolja waqfet fuq l-art, ix-xita baqgħet baxxa għal xhur sħaħ, il-ħamrija nixfet, u l-arja ta’ fuq saħħnet jum wara jum. Fis-sena 2003, dik ix-xejra żammet temperaturi qrib it-38 grad Celsius, jew 100 grad Fahrenheit, għal ġimagħtejn fuq ħafna mill-pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent. Fi Franza, il-kmamar mortwarji imtlew tant malajr li t-trakkijiet li freezer fihom kellhom jaħżnu l-katavri. Is-sħana kienet tant estrema li analiżi bikrija ttrattatha bħala kważi avveniment ta’ wieħed f’miljun sena mingħajr tibdil fil-klima.
“Li kieku dawn l-istess sistemi tat-temp kellhom iseħħu wara li nkunu qbadna ħafna aktar sħana l-atmosfera b’gassijiet serra, l-intensità tal-mewġ tas-sħana tissaħħaħ u l-għadd tal-imwiet jiżdied,” iddikjara l-awtur ewlieni tal-istudju Christopher Callahan.
In-numri li joħorġu minn dan l-istudju huma diffiċli biex jiġu injorati. F’dinja mingħajr tisħin globali, ix-xejra tal-istil tal-2003 tikkawża madwar 9,000 mewta żejda fl-Ewropa fil-ġimgħa tal-quċċata tagħha. Fil-klima tal-lum, qrib 1.5 gradi ’l fuq mil-livelli pre-industrijali, dik l-istess xejra toqtol madwar 17,800 persuna f’ġimgħa waħda.
Mill-Indja għal Malta… klima differenti… imma l-effetti qegħdin jinħassu
B’ċappetta sempliċi kkulurità f’idejh, b’kalma kbira, Jaydip Lakhankiya student Indjan ta’ 25 sena, jitkellem miegħi dwar l-esperjenzi tiegħu tal-bidla fil-klima l-Indja. Nitkellmu dwar ix-xejra f’Malta. Nofs Novembru u dik il-ħdura li soltu naraw fil-kampanja tagħna llum hi nieqsa għal kollox.
“Il-bidla fil-klima tinħass kullimkien, min mod u min ieħor”, jiddikjara Jaydip Lakhankiya.
Jitkellem miegħi dwar il-pjani tiegħu. Determinat u jidher li qiegħed jagħmel il-preparamenti tiegħu sew, ovvjament mgħejjun minn għadd ta’ ħbieb tiegħu, biex iqajjem kuxjenza dwar il-bidla fil-klima. Għax ejja ngħiduha kif inhi, rapporti nħarġu fuq li nħarġu, ilna nisimgħu bit-twissijiet imma għad hawn min jiċħad. Fuq kollox l-istil ta’ ħajja tagħna għadu dak li kien qabel, jiġifieri li nikkonsumaw kemm nistgħu u donnu l-parti l-kbira ftit li xejn iridu jisimgħu bi tnaqqis fil-konsum. Ovvjament konsum esaġerat, dejjem iħalli impatt fuq in-natura ta’ madwarna. Kemm lesti li nnaqqsu l-użu tal-karozza tagħna? Kemm lesti li nużaw it-trasport pubbliku? Kemm aħna lesti li nnaqqsu l-konsum u nirriċiklaw? Kemm aħna lesti li nnaqqsu l-konsum tal-enerġija? Dawn huma mistoqsijiet li kull wieħed u waħda minnhom irridu nagħmluhom u nistaqsu lilna nfusna x’qegħdin nagħmlu biex inaqqsu l-impatt.
(ikompli)


