L-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ li kienet introdotta f’Malta ftit tas-snin ilu kompliet tiġi msaħħa u mġedda għal żgħażagħ ta’ età akbar minn dik li kienet sa ftit ilu. Din il-miżura huija oħra intenzjonat li tgħin lill-ġenerazzjoni żagħżugħa kemm dawk li huma fis-sistema edukattiva u anke tħejji permezz tat-taħriġ lil dawk li qed jippreparaw biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Din il-miżura tkompli tgħaqqad ma’ kullana ta’ inizjattivi oħra immirati għaż-żgħażagħ fosthom iż-żieda fl-istipendji, l-għotjiet għall-first time buyers, u anke miżuri soċjali oħra biex dawn ma jitilqux mill-bankijiet tal-iskola qabel il-waqt.
L-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ se jkunu qegħdin igawdu minnha żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena. Dan ifisser li se jibbenefikaw aktar żgħażagħ hekk kif l-iskema ta’ qabel kienet tgħodd għal dawk li kellhom età sa 24 sena.
B’sodisfazzjon ninnutaw illi l-iskema preċedenti, li kien ħaddem il-Gvern, Laburista issarrfet minn 6,000 żagħżugħ fejn kważi 90% minnhom kisbu kwalifiċi u ħiliet jew daħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-ħsieb wara dan kollu huwa li ħadd ma jaqa’ lura, u sabiex kulħadd ikun jista’ jingħata dik l-ispinta meħtieġa biex jilħaq il-potenjal tiegħu.
Filwaqt li nirrikonoxxu li din l-iskema twassal biex aktar persuni mill-bankijiet tal-iskola jgħaddu għad-dinja tax-xogħol, huwa tajjeb ukoll ninnutaw li l-iskema taħseb għal dawk li għal xi raġuni jew oħra, anke minħabba ċirkostanzi fiżiċi ma jistgħux joħorġu jaħdmu.
Dan l-investiment sinifikanti fil-qasam taż-żgħażagħ qed ikompli jservi mhux biss ta’ pedament għall-futur imma wkoll ta’ nkoraġġiment għaż-żgħażagħ biex ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom. Dan għaliex iż-żgħażagħ mhux biss huma l-ġenerazzjonijiet tal-preżent imma wkoll tal-futur.
Il-Gvern jidher bil-fatti li se jkompli jagħti spinta lil din l-iskema billi huwa maħsub li fiż-żmien li ġej pajjiżna jerġa’ jkollu istituzzjonijiet għat-tagħlim tas-snajja u ħiliet, fi sfond ta’ dak li għandha u jista jkollha bżonn l-ekonomija tal-pajjiż. Din il-miżura tpoġġa fil-prattika l-prinċipju tal-Maltin l-Ewwel, li timxi id f’id mal-Labour Migration Policy.