Monday, December 23, 2024

AKTAR MIŻURI TA’ SIGURTA’ FIT-TOROQ

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar xhur u snin, iddaħħlu diversi inċentivi biex jonqos kemm jista’ jkun l-użu tal-karozzi privati u sabiex dak li jkun jagħżel metodi alternattivi ta’ trasport biex jivvjaġġa minn post għall-ieħor. Nibdew billi nsemmu l-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd li bdiet minn Ottubru tas-sena li għaddiet, fejn rajna li kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd ta’ passiġġieri li għażlu li jivvjaġġaw b’tal-linja. Ma’ din l-inizjattiva hemm ukoll mezzi oħra ta’ trasport bħar-roti u l-e scooters.

Proprju dwar l-escooters, mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni nsistejna dwar il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni serja u effettiva kemm għas-sigurtà tas-sewwieqa kif ukoll dawk li jkunu mexjin fit-triq. Dan għaliex inutli ngħidu li dawn l-e scooters huma ta’ benefiċċju għall-ambjent meta mbagħad jeżisti s-sogru ta’ korrimenti u saħansitra mwiet.

Pajjiżna introduċa dawn l-e scooters ftit aktar minn tliet snin ilu. Minn dak iż-żmien ‘l hawn rajna żieda qawwija fl-użu u l-importanza tagħhom biex persuna tivvjaġġa minn post għall-ieħor f’distanzi qosra. Madankollu, ħafna ilmenti li kienu jqumu kienu jirrigwardjaw in-nuqqas ta’ żoni ta’ parkeġġ adegwati biex dawn l-e scooters ma jibqgħux jiġu mitluqa kif ġie ġie, ma’ kullimkien, saħansitra anki fuq bankini b’ostakolu għan-nies.

Din il-problema kienet qed tkun ta’ ingombru għal persuni li jkunu mexjin fuq il-bankini, b’mod partikolari dawk neqsin mid-dawl. Is-sewqan perikoluż b’dan il-mezz ta’ trasport alternattiv ukoll kien punt ta’ tħassib minn bosta sewwieqa, billi fi kliem sempliċi jkun hemm min “jaqbad u jsuq bl-addoċċ”.
Il-Gvern ħa ħsieb li jressaq emendi fil-liġi fir-rigward tal-użu tal-e scooters. Ilbieraħ stess tħabbar ukoll li fl-ewwel ta’ Marzu tas-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ projbizzjoni fuq il-kiri tal-e-scooters. Dan filwaqt li l-użu tal-e-kick scooters privati xorta se jkun permessibbli skont il-liġi li se tidħol fis-seħħ. Il-Gvern għalhekk se jintroduċi inċentivi li jħeġġu lil min jixtieq juża dan il-mezz ta’ trasport biex ikollu e-kick-scooter tiegħu.

Aħna nemmnu li l-kunċett tal-e scooters minnu nnifsu huwa wieħed tajjeb u l-pass li qed jieħu l-Gvern huwa wieħed kuraġġuż u ta’ min ifaħħru. Iżda rridu naraw aktar miżuri u azzjonijiet x’jittieħdu favur aktar ordni u s-sigurtà akbar għan-nies..

Ekonomija

Sport