Il-ħarsien soċjali kien, għadu u jibqa’ prijorità nazzjonali. Il-Gvern konsistentement investa f’dan is-settur għaliex jemmen bis-sħiħ li s-saħħa tal-pajjiż titkejjel b’mod partikolari minn kif nipproteġu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Fil-qalba ta’ din il-ħidma hemm il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li tipprovdi appoġġ mill-aktar importanti lil tfal, familji u individwi li jeħtieġu kura, protezzjoni u gwida.
Għalhekk, fid-dawl li s-soċjetà qed tkompli tiżviluppa u tikber iktar, jeħtieġ li s-servizzi jkomplu jitjiebu biex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-komunità.
Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, din il-Fondazzjoni kienet raġġ ta’ tama għal dawk fil-bżonn, filwaqt li ħadmet qatigħ biex ittejjeb is-servizzi tagħha fil-qasam soċjali u l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn l-individwi, fil-mument li jkunu jinħtieġu l-għajnuna.
Din il-ħidma kienet riflessa wkoll fir-rapport annwali tal-FSWS għas-sena li għaddiet, li juri kemm għal darba oħra, qed jiżdiedu n-nies li jirrikorru għas-servizzi tagħhom. Dan filwaqt li qed tkompli twessa’ s-servizzi tagħha b’tali mod li jintlaħqu aktar nies ta’ kwalunkwe età.
Dan huwa xhieda wkoll ta’ kemm l-Istat qed jagħti bis-serjetà tal-problemi soċjali li jiffaċċjaw diversi kategoriji tas-soċjetà tagħna llum.
Ta’ min jinnota wkoll li fost l-iktar każijiet li l-professjonisti tal-FSWS jiltaqgħu magħhom, hemm problemi ta’ saħħa mentali, vjolenza domestika u abbuż ta’ sustanzi jew alkoħol fost oħrajn.
Għalhekk jeħtieġ li jitqawwew iktar ir-riżorsi biex ilaħħqu mal-ammont ta’ każi bħal dawn, biex is-soċjetà tagħna tkun dejjem aħjar.
Għandna għax nifhmu li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jiżgura li l-Fondazzjoni jkollha r-riżorsi li teħtieġ. Fuq kollox, il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà, kif anke stqarr il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittitjiet tat-Tfal Michael Falzon, irid jittieħed kunsiderazzjoni tagħhom kuljum.
Għalhekk, b’ħarsitna ’l quddiem, nemmnu li s-solidarjetà soċjali għandha tibqa’ tkun wieħed mill-prinċipji bażiċi biex twassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar tal-persuni li jkunu affaċċjati b’xi problema.