Il-Kap tal-Aġenzija ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti li qiegħda tassisti lill-Palestinjani qal li l-ħaddiema tiegħu li jinsabu fuq quddiem biex jagħtu l-għajnuna qed jintilfu minn sensihom minħabba nuqqas ta’ ikel. Dan filwaqt li n-numru ta’ nies li qed imutu bil-ġuħ f’Gaża qed ikompli jiżdied u t-tama għal waqfien mill-ġlied intilfet hekk kif fallew it-taħditiet dwar negozjati.
“Din il-kriżi qiegħda taffettwa lil kulħadd, inkluż lil dawk li qed jippruvaw isalvaw il-ħajjiet… meta dawk li jieħdu ħsieb ma jsibux biżżejjed x’jieklu, is-sistema umanitarja kollha tkun qed tikkrolla,” qal Philippe Lazzarini, il-Kap tal-UNRWA, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet.
Minn tal-inqas 45 persuna mietu bil-ġuħ fl-aħħar erbat ijiem. Fi stqarrija, Lazzarini qal li kollega f’dan it-territorju kien qallu li l-persuni f’Gaża mhumiex la ħajjin u lanqas mejtin, iżda huma “katavri mexjin”.
Huwa qal li l-UNRWA kellha l-ekwivalenti ta’ 6,000 trakk mimli bl-ikel u provvisti mediċinali jistennew fil-Ġordan u l-Eġittu u appella lil Iżrael biex jippermettu lill-imsieħba umanitarji sabiex idaħħlu l-għajnuna umanitarja bla restrizzjonijiet u bla interruzzjoni f’Gaża.