Pajjiżi Ewropej bdew iwaqqfu titjiriet kummerċjali mir-Renju Unit wara li l-Gvern Brittaniku wissa li tilef il-kontroll ta’ strain ġdida tal-virus Covid-19.
Wara li l-Olanda waqqfet it-titjirit kummerċjali b’effett mil-lum, sors viċin il-Gvern Ġermaniż qal li Berlin ukoll qed jikkunsidra mossa simili għal titjiriet mill-Ingilterra u l-Afrika t’Isfel.
Id-deċiżjoni tal-Olanda daħlet fis-seħħ fil-5.00 a.m. u se tibqa’ tkun osservata sal-1 ta’ Jannar. Intant il-Belġju wkoll qal li se jkun qed jissospendi titjiriet u ferroviji mill-Ingilterra minn nofssillejl tal-lum.
Id-deċiżjonijiet qed jittieħdu wara li terz tal-popolazzjoni Brittanika qed ikollha tosserva lockdown għal żmien il-Milied.
Is-Segretarju Brittaniku għas-Saħħa Matt Hancock wissa li ntilef il-kontroll tal-istrain il-ġdida tal-virus.