Saturday, December 21, 2024

Aktar proġetti infrastrutturali ta’ tħaddir fl-urban

Aqra wkoll

Studji ġeotekniċi għal proġett multimiljunarju fis-suq dalwaqt, imwaqqfa d-diviżjoni ta’ implimentazzjoni GreenServ

“Qed nieħdu t-tranżizzjoni ħadra u ekoloġika ta’ pajjiżna għal-livell li jmiss. L-ambizzjoni tal-gvern favur aktar tħaddir fl-urban qed tieħu mbuttatura ‘l quddiem biex noffru kunċetti ġodda ta’ għixien fl-urban ibbażati fuq prinċipji ekoloġiċi bi proġetti infrastrutturali ħodor għall-familji Maltin u Għawdxin.” 

Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia filwaqt li ħabbar li tliet proġetti fil-Ħamrun, Ħal Qormi, u l-Mosta se jkunu qed jitwettqu fi żmien qasir u f’żoni popolati u densi f’pajjiżna, u se jkunu qed idawwru uħud mit-toroq ewlenin ta’ pajjiżna f’pulmuni ħodor. 

Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ GreenServ, diviżjoni fil-Wasteserv li għandha l-mandat li twettaq proġetti ta’ natura infrastrutturali u ekoloġika fl-inqas żmien possibbli u bl-ogħla standards possibbli.

Il-ministru spjega kif il-gvern qed jimxi wkoll bil-proġetti ta’ tisqif tal-mini ta’ Santa Venera. Il-kunċett huwa ċċentrat madwar is-salvagwardja ta’ reċetturi sensittivi mit-tniġġis ikkawżat mit-traffiku, filwaqt li jiġi implimentat kunċett ġdid ta’ ġnien fuq waħda mill-iktar toroq użati f’pajjiżna. L-istudji ġeotekniċi se jkunu essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. 

Dawn l-istudji se jkunu qed jiddeterminaw l-istat tal-ġeoloġija eżistenti u x-xogħol meħtieġ biex dan il-proġett isir realtà. “Dan il-proġett se jkun qed jipprovdi pulmun aħdar liż-żona msemmija wara li dan l-ambjent kellu jagħmel wisa’ għall-progress. Aħna kommessi li ntejbu l-benesseri ambjentali, u li permezz ta’ proġetti innovattivi bħal dawn jistgħu jimxu flimkien mal-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna”, stqarr il-Ministru Farrugia. 

Dawn l-istudji ġeotekniċi se jkunu qed isiru fil-bidu tas-sena d-dieħla wara li jiġi konkluż il-proċess ta’ akkwist meħtieġ.

GreenServ hija diviżjoni fi ħdan il-WasteServ li se tkun qed tara li timplimenta proġetti ta’ tħaddir f’diversi ċentri urbani madwar Malta. Permezz ta’ din id-diviżjoni, Wasteserv se tkun qed tkompli twessa’ il-missjoni ambjentali tagħha filwaqt li tkun kommessa li ttejjeb l-ambjent ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri. GreenServ se tkun qed tiffoka fuq żoni li huma popolati ħafna u jeħtieġu  trasformazzjoni, żoni li tul is-snin raw żvilupp li ġabhom żoni griżi kkaratterizzati minn traffiku u aspetti oħrajn li jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Huwa għalekk li se jkun qed jingħata impetu ġdid bl-għan aħħari li kull proġett ifittex li jtejjeb b’mod drastiku u innovattiv l-ambjent urban. WasteServ diġà qed timplimenta diversi proġetti u dawn id-dmirijiet addizzjonali komplew iżidu mal-entużjajżmu tat-tim minħabba li dan ix-xogħol joffri opportunità biex jitjieb l-ambjent, anki oltre mill-konfini operattivi tal-WasteServ.

Il-Ministru Aaron Farrugia faħħar din l-inizjattiva u spjega kif din se tkun qed tibda tibdel iċ-ċentri urbani f’zoni ħodor b’differenza. “Dan mhux se jkun proċess ta’ tħaddir b’modi konvenzjonali, imma se jkun qed jiffoka fuq l-aqwa teknoloġiji disponibbli li jistgħu jiġu applikati fis-siti urbani partikolari. L-għan tagħna huwa li nagħtu lin-nies spazji ħodor li huma aktar viċin tad-djar tagħhom. Irridu li t-tfal tagħna jgawdu minn spazji miftuħa, arja aktar nadifa u f’modi ta għixien li mhumiex assoċjati ma’ żvilupp eċċessiv li saru sinonimi maċ-ċentri urbani ta’ pajjiżna”, qal il-ministru.

Fi proġett li għandu perjodu ta’ implimentazzjoni iqsar, GreenServ se tkun qed taħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ tliet proġetti innovattivi ta’ tħaddir fl-urban. Dawn se jservu bħala prekursur għal proġetti ikbar li se jsiru fis-snin li ġejjin. Huwa mbassar li dawn it-tlett proġetti jiswew madwar €4 miljun u se jintroduċu l-kunċett ta’ għixien fl-urban fi tlett siti urbani fil-Mosta, il-Ħamrun u Ħal Qormi. Id-dokument relatat mal-akkwist diġà huwa disponibbli (fuq: https://www.wasteservmalta.com/en/tenders)

“Nemmnu bis-saħħa fl-importanza ta’ infrastruttura blu u ħadra, li tinkludi l-immaniġġjar tal-ilma, l-adattament għall-klima, it-tnaqqis tas-sħana, aktar bijodiversità, kwalità tal-arja aħjar, produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli u ħamrija b’saħħitha. Għal dawn ir-raġunijiet, temmejna investiment bla preċedent fi proġetti ambjentali li joffru kunċett ġdid fi tliet siti urbani, b’investiment ta’ aktar minn €1 miljun f’kull lokalità, biex inkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawn il-komunitajiet”, qal is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat. 

“Għal dan il-proġett qed tiġi kkunsidrata żona fil-Mosta li fil-preżent għadha mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Din l-istess żona se tiġi riġenerata biex tkun miftuħa għall-pubbliku u tkun tista’ titgawda kemm minn residenti u anki minn nies oħrajn li jiġu jżuru dan is-sit”, kompla s-segretarju parlamentari.

L-investiment fuq it-tliet proġetti se jkun qed jiġi provdut mill-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali (NDSF) u permezz tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP).

Ekonomija

Sport