Fil-Parlament se jibda jiġi diskuss abbozz ta’ liġi mressaq mill-Gvern sabiex jiżdiedu l-pieni għal min jikser id-drittijiet tal-ħaddiema. Din hi wegħda oħra elettorali li qed narawha tiġi mwettqa biex il-ħaddiem igawdi minn protezzjoni akbar filwaqt li tkun ippremjata s-serjetà fis-suq tax-xogħol Malti. Dan it-tibdil se jkompli jibni fuq il-ħafna riformi li diġà saru f’dan il-qasam, b’mod partikolari f’dawk l-oqsma tax-xogħol li huma relattivament ġodda.
Imma għala nħass il-bżonn ta’ dawn l-emendi? Kellna sitwazzjoni fejn ħaddiema li ssir inġustizzja magħhom, bħal pereżempju meta ma jitħallsux il-paga kollha dovuta lilhom, jew jingħataw ħlas inqas milli suppost għall-overtime li jkunu ħadmu, jew ma jitħallsux ta’ festi pubbliċi, min iħaddem seta’ jeħel multa ta’ €232, saħansitra anke meta l-ksur jirrepeti ruħu. B’dan it-tibdil, il-pieni għal min jinstab ħati li kiser il-liġi tax-xogħol se jkunu qegħdin jiżdiedu b’mod sostanzjali.
F’każ li persuna tinstab ħatja għall-ewwel dara, il-multa se tiżdied għal minimu ta’ €2,000 sa massimu ta’ €5,000. F’każ ta’ ħtija għat-tieni darba, jew għad-drabi sussegwenti, il-multa se tkun ta’ mhux inqas minn €5,000 u mhux aktar minn €7,000. Min-naħa l-oħra, il-preskrizzjoni, jew inkella ż-żmien illi fih persuna li tkun allegatament wettqet reat, tkun tista’ tiġi investigata u mressqa l-Qorti, se tirdoppja minn perjodu ta’ sena għal sentejn.
Għalhekk b’dawn l-emendi se jissaħħaħ aktar l-irwol investigattiv tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Dan hekk kif id-Dipartiment se jkollu aktar żmien biex jinvestiga lil min iħaddem u jipproċedi l-Qorti.
B’dan il-mod qed jintbagħat messaġġ ċar li l-abbuż fil-konfront tal-ħaddiema mhux aċċettabbli. Dan l-istess messaġġ tennietu kemm-il darba l-General Workers’ Union, anke meta dan l-aħħar għadd kbir ta’ xufiera li jwasslu l-ikel (food couriers) issieħbu magħha biex tiddefendi d-drittijiet u d-dinjità tagħhom bil-mezzi kollha li tipprovdi l-liġi.
Nemmnu li abbużi bħal dawk li tkellimna dwarhom m’għandhomx ikunu tollerati. U huwa għalhekk li fil-fehma tagħna dawn l-emendi huma bżonjużi billi mhux biss se jsaħħu aktar il-protezzjoni tal-ħaddiema imma qegħdin jiġu assigurati prattiċi ġusti tal-impjieg. B’dan it-tibdil, qed ikun aċċertat ukol li jinħoloq “a level playing field” bejn l-operaturi, għaliex min hu serju m’għandu ibati l-konsegwenzi ta’ dawk li ma jirrispettawx id-dinjità tal-ħaddiema.