Dan id-dibattitu Parlamentari jitratta abbozz ta’ ligi mressaq mill-Gvern sabiex il-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, tigi rikonoxxuta wkoll fil-ligi Maltija.
Permezz ta’ dan l-abbozz, kull ħaddiem ser ikollu d-dritt li jaħdem f’ambjent ta’ xogħol ħieles mill-vjolenza u l-fastidju, inkluz vjolenza u fastidju bbazata fuq il-ġeneru tal-persuna.
Din hi mizura oħra tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ mwiegħda mill-Partit Laburista li saret parti mill-programm tal-Gvern (Proposta nru.194), li ser issir biex inkomplu nħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li nassiguraw li l-ambjent tax-xogħol ikun sigur għal kull ħaddiem, billi ma jiġi permess l-ebda forma ta’ vjolenza u fastidju fl-ambjent tax-xogħol fuq il-ħaddiem (l-impjegat).
GĦAL MIN JIRREFERI T-TERMINU ‘IMPJEGAT’?
– persuna impjegata fuq post tax-xogħol;
– interns, trainees, apprendisti, irrelevanti jekk xogħolhom huwiex regolat
b’kuntratt, jew jekk il-persuna hix titħallas jew le;
– persuna li l-impjieg tagħha ġie terminat;
– voluntier, u cioè persuna li tipprovdi servizzi mhux bi ħlas permezz ta’ organizzazzjoni volontarja jew għaliha, anke meta x-xogħol jew servizz ma’ jkunux regolati minn kuntratt speċifiku ta’ servizz;
– impjegat prospettiv, kemm jekk qed ifittex impjieg, applikant għal impjieg jew kandidat għal impjieg.
X’JIKKWALIFIKA BħALA ‘AMBJENT TAX-XOGĦOL’?
– kwalunkwe post tax-xogħol;
– kwalunkwe post tax-xogħol fejn impjegat jitħallas, jistrieħ jew jiekol, jew
jagħmel użu mill-faċilitajiet sanitarji, ta’ ħasil u tibdil;
– kwalunkwe vjaġġ, vjaġġar, taħriġ, avveniment, attività soċjali relatata ma’ xogħol;
– kwalunkwe komunikazzjoni relatata ma’ xogħol, inkluż permezz ta’
mezzi ta’ komunikazzjoni;
– kwalunkwe akkomodazzjoni provduta mill-prinċipal;
– kwalunkwe vjaġġ lejn u mix-xogħol.
FIEX JIKKONSISTU ‘VJOLENZA U FASTIDJU’?
Kwalunkwe imġiba, prattiċi u ommissjonijiet inaċċettabbli jew theddid li jimmirraw jew jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika.
Dawn l-atti jinkludu wkoll jekk il-vjolenza u/jew il-fastidju jkunu abbażi tal-ġeneru, jiġifieri l-fastidju jew vjolenza fuq il-persuna jkunu minħabba s-sess jew il-ġeneru tagħha.
L-ebda prinċipal jew impjegat ma’ jista’ jwettaq dawn l-azzjonijiet ma’ kwalunkwe impjegat ieħor jew prinċipal, fl-ebda forma, inkluż imma mhux limitat għal: talbiet, kondotta, imġiba, interazzjoni- kemm jekk fiżiċi, remote, online, verbalment, bil-miktub, bi stampi jew kwalunkwe mod ieħor.
Dawn l-azzjonijiet ser ikunu pprojbiti kemm jekk iseħħ u darba jew repetutament.
PIENI U RIMEDJI
Il-pieni għal min jinstab ħati li kiser din il-liħi tax-xogħol, ser ikunu skont kif ġej:
1. piena ta’ priġunerija bejn 6 xhur u sentejn; jew
2. multa bejn €5,000 u €10,000; jew
3. multa u priġunerija flimkien.
Il-każ ta’ vjolenza u fastidju fl-ambjent ta’ xogħol jista’ jitressaq ukoll quddiem it-Tribunal Industrijali, fejn jista’ jigi ordnat il-kancellament tal-kuntratt ta’ servizz u jiġi ordnat jitħallas kumpens għat-telf u d-danni soferti mill-vittma.
META SER JIDĦLU FIS-SEĦĦ DAWN L-EMENDI?
L-emendi ser jidħlu fis-seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern.
Dawn l-emendi ser ikomplu jsaħħu l-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol sabiex inkomplu noħolqu ambjent ta’ xogħol aktar sigur u protett mill-fastidju u l-vjolenza.

