“Fl-Għassa ta’ San Ġiljan matul ix-xhur tas-sajf, kif ukoll fix-xhur kollha tas-sena, dejjem ikunu msaħħa u miżjuda fil-perjodi u ħinijiet meta l-attivitajiet jiżdiedu. Din iż-żieda kienet u tibqa’ tiġi bbażata fuq analiżi effikaċi li ssir regolarment biex ikun iddeterminat l-ammont ta’ uffiċjali ta’ Pulizija meħtieġa għal skop ta’ ordni pubblika, skont l-istaġun, il-jiem ta’ matul il-ġimgħa u attivitajiet speċifiċi oħra.”
Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fil-Parlament meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ.
Il-Ministru Camilleri fakkar li qatt daqs illum ma kellna preżenza f’Malta ta’ Pulizija fil-komunità. Mhux biss il-lokalitajiet kollha tal-pajjiż huma koperti mill-preżenza tal-Pulizija tal-komunità imma wkoll mill-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit li jagħmlu rondi kontinwi, mill-Kavallerija tal-Korp, mit-taqsima tal-klieb u għalhekk jikkumplimentaw il-ħidma li qed issir fl-għases.
“Infakkar ukoll li dan il-Gvern ser ikun introduċa wkoll sistema ta’ CCTV f’lokalitajiet differenti li jfisser li dawn iż-żoni ser ikunu sorveljati 24 siegħa kuljum, fosthom, f’Paceville bil-lest għas-Sajf,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.