Thursday, January 22, 2026

Aktar rekords turistiċi

Aqra wkoll

Is-sena li għadha kif intemmet qiegħda turi li kienet waħda oħra ta’ suċċess għall-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. Dan jidher miċ-ċifri li ħarġu kemm mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kif ukoll mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fil-fatt, ġie reġistrat li fit-12-il xahar tas-sena l-oħra, għaddew mill-ajruport għaddew aktar minn 10 miljun passiġġieri, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu turisti li ġew għal żjara f’pajjiżna. Dan kien dovut għall-fatt li f’dan il-qasam, is-settur privat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ħadmu flimkien biex għamlu lil pajjiżna aktar attraenti għas-suq barrani. Is-siti storiċi u postijiet oħra ta’ wirt storiku u kulturali kienu wkoll strumentali biex ġibdu lejn pajjiżna eluf kbar ta’ turisti. 

Min-naħa l-oħra, l-istatistika maħruġa mill-NSO għall-ewwel 11-il xahar tal-2025, tikkonferma li f’dan il-perjodu waslu Malta kważi 3.8 miljun turist, żieda ta’ aktar minn 12% fuq l-2024. L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li jlaħħaq it-€3,741.4 miljun, 18.7% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2024.

Huwa mistenni li ċ-ċifri ta’ sena sħiħa mill-NSO, li se jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin, se jikkonfermaw in-numru eżatt ta’ kemm ġew turisti f’pajjiżna fl-2025, komparat ukoll mas-sena ta’ qabel. 

Ma nistgħux għalhekk ma nfaħħrux ukoll l-inizjattiva li ħadet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) speċjalment f’dak li hu reklamar għad-diversifikazzjoni tat-turiżmu. Illum pajjiżna jista’ jgħid li qed jattira wkoll turiżmu ta’ kwalità, anke minkejja li t-turiżmu tal-massa għadu qawwi ħafna. 

Għalhekk nittamaw li l-MTA tkompli taħdem bl-istess ritmu u tieħu inizjattivi ġodda biex twassal isem pajjiżna f’dawk in-naħat tad-dinja li s’issa għadna ma lħaqnihomx. Hawn infaħħru wkoll l-inizjattiva li kienet ittieħdet mid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, biex jibdew titjiriet diretti bejn Malta u l-Istati Uniti. B’hekk, se jiġu servuti wkoll dawk il-Maltin li jgħixu fl-Istati Uniti, li issa se jkollhom faċilità akbar biex jerġgħu jżuru art twelidhom. 

Bla dubju, l-għadd ta’ turisti li ġew f’pajjiżna fl-2025 ħallew aktar qligħ lil dawk involuti fis-settur tal-ospitalità kif ukoll għas-soċjetà inġenerali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport