Friday, December 13, 2024

AKTAR RIFORMI FIL-QASAM TAD-DRITTIJIET ĊIVILI

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin, f’pajjiżna ddaħħlu għadd ta’ miżuri u liġijiet li komplew isaħħu l-ugwaljanza u anke taw drittijiet ċivili ġodda li sa ftit tas-snin ilu kienu biss ħolma. Il-Gvern Laburista dejjem ra kif għamel biex jelimina kwalunkwe diskriminazzjoni li seta’ jkun hemm fuq dawn in-nies ġejjin mill-komunità LGBTIQ. Dan filwaqt li kompla jaħdem biex dawn id-drittijiet ċivili jissarrfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, ninnutaw b’sodisfazzjon is-suċċess li reġa’ kiseb pajjiżna f’dan il-qasam, fejn għas-seba’ sena konsekuttiva, Malta kklassifikat fl-ewwel post fir-Rainbow Map Index. Dan joħroġ mill-indiċi tal-ILGA għas-sena 2022, stħarriġ annwali li josserva d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ madwar l-Ewropa. 

Dan l-istess rapport juri li matul is-sena li għaddiet, Malta kisbet punteġġ ta’ ftit aktar minn 92% u reġgħet ġiet ikkonfermata fl-ewwel post. Ir-riċerka turi li fost 49 pajjiż, Malta rnexxielha tikseb l-ogħla persentaġġ fejn jidħlu l-politika u l-liġijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-familja, ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru u t-tisħiħ ta’ pieni kontra reati u diskors ta’ mibegħda. 

Il-ħidma iżda ma waqfitx hemm. F’dawn l-aħħar jiem kienu emendati l-protokolli tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, li jirregolaw min jista’ jkun donatur. B’hekk issa kull persuna se tkun eleġibbli li tagħti d-demm irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuna konċernata. Wegħda elettorali oħra tal-gvern li twettqet fl-ewwel ftit xhur tal-leġiżlatura l-ġdida.

Nemmnu li b’dan il-mod se tkun tneħħiet id-diskriminazzjoni f’dan il-qasam. Nemmnu wkoll li d-demm huwa importanti u bżonnjuż u għalhekk tibqa’ l-ħtieġa li aktar donaturi jersqu ‘l quddiem u jagħmlu dan l-att ta’ ġenerożità li fl-aħħar mill-aħħar se jgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Apparti dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux l-ewwel Pride March li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Għawdex. Tieħu gost tara n-nies miġbura flimkien jiċċelebraw din l-okkażjoni u l-fatt li din saret fil-gżira tat-tliet għoljiet minnu nnifsu ntbagħat messaġġ favur soċjetà aktar miftuħa u inklussiva. Sena ilu wkoll kien inawgurat uffiċċju ġdid li l-Ministeru għadda lill-organizzazzjoni LGBTI+ Gozo.

Għalhekk filwaqt li huwa importanti li nirrikonoxxu l-avvanzi kbar li saru f’dan il-qasam, jeħtieġ li ma niqfux hemm. Ir-riformi jridu jibqgħu jseħħu sabiex fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika kulħadd minnhom. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma biex nibqgħu nkunu tal-ewwel fost il-pajjiżi l-oħra fejn jidħlu drittijiet u ugwaljanza.

Ekonomija

Sport