Thursday, December 26, 2024

Aktar riżultati pożittivi fit-turiżmu … żieda ta’ 18.3% fit-turisti li waslu Malta f’Awwissu

Aqra wkoll

L-għadd ta’ turisti li waslu Malta f’Awwissu li għadda kien stmat li jlaħħaq it-371,511, li jfisser żieda ta’ 18.3% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li 354,155 turist ġew Malta għal btala mentri 6,391 oħra ġew għal skop ta’ negozju.
L-akbar għadd ta’ turisti kellhom bejn 25 u 44 sena (37.2%); warajhom kien hemm dawk fl-età ta’ taħt il-25 sena (37%). Residenti mill-Italja, mir-Renju Unit u minn Franza kienu jammontaw għal 53.2 fil-mija tat-turisti kollha li waslu Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd tal-iljieli mqattgħin Malta żdied bi 13 fil-mija, biex qabżu it-2.9 miljun lejl. Il-parti l-kbira taʼ dawn l-iljieli (83.1 fil-mija) kienu mgħoddijin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija.
FʼAwwissu 2023, in-nefqa sħiħa tat-turisti kienet taqbeż it-€393.4 miljun, li hija żieda taʼ 22.4 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li kien ta’ €135.6.

Ċifri oħra juru li fl-ewwel tmien xhur tal-2023, it-turisti li waslu Malta kienu jlaħħqu l-1,986,260, li jfisser żieda taʼ 33.5 fil-mija fuq l-istess żmien fl-2022. L-għadd sħiħ tal-iljieli mgħoddijin telaʼ bʼ25.0 fil-mija u bʼhekk kważi laħaq it-13.6-il miljun lejl.

L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq il-€1.8 biljun, 36.2 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-2022. L-infiq sħiħ ras għal ras telaʼ għal €888 mit-€871 li kien fl-2022.

Ekonomija

Sport