Il-fergħa ta’ Nisa Laburisti (NL) fi ħdan il-Partit Laburista ħatret eżekuttiv ġdid wara li kienu fetħu n-nominazzjonijiet f’Marzu li għadda u se jkun kompost minn:
- President – Nikita Zammit Alamango
- Segretarju Eżekuttiv – Jennifer Tabone
- Chair Finanzjarju – Fiona Borg Lewis
- Chair Internazzjonali – Christine Dalli
- Chair Edukazzjoni – Romilda B Zarb
- Chair Bilanċ bejn ix-Xogħol u Familja – Alison Zerafa Civelli
- Chair Għawdex – Abigail Camilleri
- Chair Azzjoni pożittiva u opportunitajiet indaqs – Davina Sammut Hili
- Chair Kumitati Lokali Nisa, Uffiċjali Nisa membri tal-kumitati lokali, u membri Nisa – Nadia Portelli
Nisa Laburisti qalet li tirringrazzja lill-membri tal-Eżekuttiv uxxenti li matul dawn l-aħħar snin taw kontribut siewi lejn din il-fergħa tal-Partit Laburista u fis-soċjetà in ġenerali u li ntwera biċ-ċar li l-partit lest li jkompli jiġġedded u konvint li jkompli jressaq fuq quddiem nett tal-aġenda tiegħu numru ta’ kwistjonijiet li jirrigwardjaw kemm dirett kif ukoll indirett lin-nisa.
Fi stqarrija, Nisa Laburisti qalet li tibqa’ kommessa biex tibqa’ l-leħen li jwassal l-interessi tan-nisa u tkompli tilqa’ aktar opinjonijiet minn persuni li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. Din id-determinazzjoni intweriet bil-fatti f’bosta diskussjonijiet b’rabta mar-rappreżentanza tan-nisa fil-politika u f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; meta ddikjarat favur l-introduzzjoni tal-kontraċezzjoni f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri l-morning after pill; tkelmet favur il-bidla fil-liġi tal-IVF li hi bidla fil-ġejjieni kif ukoll ressqet proposti kontra l-vjolenza domestika fosthom li għandu jkun hemm qorti ffukata fost ħafna oħrajn.
Matul dawn ix-xhur li ġejjin Nisa Laburisti se tkompli tiddiskuti temi relatati mal-mara u fl-istess ħin se tkun qed tippreżenta proposti u inizjattivi varji fejn din il-fergħa se tkompli tiġġedded fi ħdan il-Partit Laburista.