Friday, May 16, 2025

Aktar sens komun u inqas egoiżmu

Aqra wkoll

Ftit tal-ġimgħat kien rappurtat każ tal-biki li seħħ fi Pjazza San Ġorġ Għawdex. Persuna li jidhirli li kienet fil-knisja, b’mod għal għarrieda ħassitha ma tiflaħx tant li ssejħet ambulanza għax deher li kien każ ta’ urġenza. U hawn beda kollox. Meta waslet l-ambulanza fuq il-post ma setgħetx tgħaddi minħabba l-imwejjed, is-siġġijiet u affarijiet esposti għall-bejgħ quddiem ħwienet kemm fil-pjazza nnifisha kif ukoll fit-triq pjuttost dejqa li twassal għall-pjazza.

Ma ninsewx. Dan kien każ li kien jikkonċerna bejn ħajja u mewt ta’ persuna. Fejn kull minuta, kull sekonda, tista’ tagħmel differenza f’ħajjet il-persuna konċernata jekk mhux ukoll ħajja jew mewt. Sitwazzjoni li rrendiet lill-persuni mediċi milli jidħlu malajr biex jassistu lill-persuna milquta. Wieħed jista’ jimmaġina x’qam. U bir-raġun. Trid tkun fiż-żarbun tal-persuna milquta biex tkun taf kemm tista’ tagħmel differenza imqar minuta waħda.

Kien rapport ta’ paniku sħiħ. Il-persuni mediċi kellhom jimxuha sal-post fejn kien hemm il-persuna li kellha bżonn l-attenzjoni medika.

Sadattant għandu jingħad li dan ma kienx l-ewwel każ tax-xorta tiegħu li seħħ f’dan il-post. Kien hemm ukoll rapporti dwar diffikultajiet simili meta jkun hemm xi funeral, jew tieġ. Kien hemm protesti uffiċjali, fosthom min-naħa tat-tmexxija tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Finalment kien sar xi forma ta’ pjan mas-sidien tal-ħwienet biex ikun hemm aċċess adekwat kemm fil-pjazza kif ukoll fit-triq li twassal għall-pjazza. Pjan li milli jidher lanqas ma kien ħadem kif mistenni. 

Affarijiet tad-daħk jekk mhux tal-biki! Qed nittrattaw ‘kontroll’ ta’ pjazza żgħira u mhux ta’ xi territorju enormi! Mhux il-pjazza tal-Vatikan. Immaġinana qegħdin nittrattaw fruntiera mifruxa fuq kilometri ta’ art. Sadanittant is-sabiħa hi li f’każ bħal dak li qed nitkellem dwaru kulħadd, u meta ngħid kulħadd ifisser kulħadd, jipprova jfarfar. Ir-responsabbiltà Alla jbierek m’hi ta’ ħadd. Il-ħmar iwaħħal f’denbu. 

Ara kieku l-każ kien jittratta xi forma ta’ mertu kieku tgħidx kemm-il sider ippuppat tara. Kulħadd ikun għamilha hu. Aktar u aktar fejn ikun immaġinat li jista’ isir xi gwadann ta’ voti. Hemmhekk ikollok tagħmel DNA għax la darba tkun xi ħaġa tajba allura kulħadd ikun missierha. U l-oppost jekk il-ħaġa tkun ħażina bħalma hu dan il-każ. Hemmhekk il-ħaġa tkun orfni. Ħadd ma jkun missierha.

Dan meta fil-verità l-kwistjoni hija mill-aktar sempliċi. Nibdew mis-sidien tal-ħwienet, restoranti, kafeteriji, huma x’inhuma, involuti f’dan il-każ. Iva allura dawn possibbli ma jimmaġinawx, ma jpoġġux lilhom infushom jew lil xi membru tal-familja tagħhom flok dik il-persuna li kellha bżonn l-attenzjoni medika urġenti u l-ambulanza ma setgħetx tasal sa ħdejha? Kieku kienu huma milqutin x’kienu jgħidu?

Ma jaħsbux dawn illi kieku jużaw aktar sens komun u inqas egoiżmu sitwazzjonijiet bħal dawn ma jseħħux?

U l-awtoritajiet? Meta jinħarġu l-permessi biex quddiem il-ħwienet ikunu jistgħu jitpoġġew esebiti, imwejjed, siġġijiet, umbrelel, kartelluni, tabelli u x’naf jien ma jkunx hemm stabbilit x’għandu jkun l-ammont u xi spazju għandu jkun okkupat? Nifhem li hekk isir. Imma, allura mhux waħedha toħroġ x’inhi l-problema ewlenija? Nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet. U għaliex in-nuqqas ta’ infurzar ta’ liġijiet? 

Jekk taqta’ x’inhi r-raġuni nixtrilek ġelat.

Ara ma jkunx hawn min jaħseb li dan huwa xi każ li jikkonċerna BISS Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex. Asal wasla sal-Belt Valletta u ara kemm-il triq ikun hemm okkupata bl-imwejjed u s-siġġijiet bil-konsegwenza li ma tkunx tista’ tgħaddi ambulanza f’każ ta’ bżonn. Anke hawn kienu rappurtati aktar minn każ wieħed.

Mela mhux kbira kienet li kellu jintervjeni l-Prim Ministru biex setgħet tgħaddi l-purċissjoni tad-Duluri? Fejn tista’ tasal aktar! F’affarijiet bħal dawn jonqsu jiddaħħal il-Prim Ministru.

Finalment kollox idur mar-rgħiba għall-flus. Aħtaf kemm tista’. Ħallas l-permess għal tużżana imwejjed imma oħroġ 15 jew aktar u ma jimpurtax li qed tkun ta’ inkonvenjent li jista’ jkun ifisser ħajjet jew mewt ta’ persuna. 

L-istess fejn jikkonċerna bankini. Ma tokkupax il-bankini imma tpoġġi l-imwejjed taħthom, ħalli kemm kemm tgħaddi karozza, u ma tridx tkun kbira, u barra bid-daqq. Imbagħad biex żgur issir sid tal-art okkupata, għamel pjattaforma, dawwarha bi ftit qsari u tippretendi ringrazzjament għax qed issebbaħ il-post. Ovvjament imbagħad ikun jonqos it-tinda li l-materjal tagħha jkun skont l-istaġuni. Imma l-aqwa li f’għajnejn il-liġi m’intix tingombra l-bankini.

Eħħ x’saħħa għandu dak il-misħut vot. Jew ninsab żbaljat? Jew mhux il-vot biss? Dan kollu li qed nikkummenta dwaru la beda lbieraħ u lanqas beda llum. U nassigurak li jibqa’ hemm għada wkoll.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport