Monday, November 18, 2024

Aktar servizzi soċjali fil-komunità

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali qed tħaddem tmien servizzi fil-komunità madwar Malta, li jkopru r-reġjuni kollha ta’ Malta kif ukoll direttorat ieħor separat f’Għawdex. Dawn is-servizzi jiġbru fihom iċ-ċentri tal-LEAP u s-servizzi fil-komunità offruti mill-Aġenzija Appoġġ.

Minbarra din l-għajnuna mogħtija minn dawn iċ-ċentri, l-FSWS qed tħaddem il-kunċett ta’ Home Based Therapeutic Services, fejn il-professjonisti tal-fondazzjoni jmorru huma stess fid-djar sabiex jipprovdu appoġġ lil dawk li għandhom bżonn, speċjalment meta jkun hemm bżonn assistenza fejn hemm familji bit-tfal.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li tul is-sena 2021 l-FSWS tat l-għajnuna f’aktar minn elf u ħames mitt każ f’dawn iċ-ċentri. L-għajnuna mogħtija ħafna drabi hi mat-tfal li jibqgħu jgħixu mal-familji bioloġiċi tagħhom wara li jkunu ġew indirizzati diffikultajiet ta’ qraba, filwaqt li jkun hemm każijiet fejn it-tfal jerġgħu jintegraw mal-familji tagħhom.

Il-Ministru Michael Falzon faħħar is-servizz tal-Home Based Therapeutic Services u spjega kif dan qed ikompli jinkoraġġixxi lill-familji biex jemmnu fihom infushom. Saħaq li qed jintbagħat messaġġ ċar lil dawn il-familji li hemm tama li l-isfidi jindirizzawhom huma.

F’sena waħda, 578 familja ngħataw appoġġ fil-kumdità ta’ darhom. Servizz ieħor innovattiv li qed ikompli jagħmel differenza huwa dak tal-Incredible Years Programme, fejn dan il-programm kien involut f’assistenza ta’ 267 każ. Dan is-servizz jittratta problemi ta’ mġieba fost it-tfal u sfidi fit-trobbija tat-tfal.

“Kull sena dan il-gvern dejjem qed jinvesti aktar miljuni ta’ ewro biex jilħaq persuni bi sfidi. Kuntent illi għandna timijiet ta’ professjonisti soċjali li ta’ kuljum jassistu persuni vulnerabbli. Tul l-aħħar snin osservajna kif is-servizzi fil-komunità li qed toffri l-FSWS dejjem qed jilħqu aktar nies u fuq kollox jagħtu dik l-għajnuna li fil-mument dik il-familja tkun teħtieġ,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport