B’aċċessorji ġodda, żieda f’ostakli tal-logħob u żona aktar sigura, it-tisbiħ tal-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali huwa komplut biex jilqa’ fi ħdanu klieb ta’ kull daqs. Fi żjara f’dan l-ispazju pet-friendly, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul setgħu jaraw ix-xogħol ta’ tisbiħ imwettaq mill-ħaddiema, fi spazju ta’ madwar 1,627 metru kwadru.
Bi ċnut għolja magħmula minn injam riċiklat, tined li jipprovdu d-dell fuq il-bankijiet u spazju kkulurit biex il-klieb ikollhom fejn jiġru u jilagħbu, iż-żona saret waħda aktar sigura għall-klieb u s-sidien tagħhom.
Dan huwa proġett ieħor ta’ riġenerazzjoni fejn ix-xogħol sar b’attenzjoni lejn is-sostenibbiltà taż-żona. Fil-fatt, kull struttura ġol-Park tal-Klieb hi magħmula b’injam meqjus bħala sostenibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli faħħret ix-xogħol li sar u rringrazzjat lill-ħaddiema ta’ Project Green tad-dedikazzjoni tagħhom biex jassiguraw s-sostenibbiltà fil-proġetti li jitwettqu.
“Ir-riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa u l-ħolqien ta’ dawk ġodda huma intiżi biex jitgawdew minn kulħadd. Bi spazji ddedikati għalihom u b’tagħmir apposta, naċċertaw is-sigurtà tal-klieb tagħna wkoll,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. Kompliet billi ħeġġet lill-pubbliku jagħmel użu responsabbli mill-post u jżomm l-indafa.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul tenna li Project Green se tkompli bil-ħidma li toħloq spazji ġodda filwaqt li tkompli tirriġenera aktar postijiet. Saħaq ukoll dwar l-importanza tas-sigurtà, tant li dan il-park huwa mdawwar b’fence għoli żewġ metri, u ieħor tal-injam għoli metru biex joħloq id-distanza bejn il-park tal-klieb iż-żgħar u dawk kbar. Huwa ħabbar li Project Green se tkun qed tkompli taħdem ukoll fuq spazji oħra dedikati għall-klieb, fosthom fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali huma bejn is-6.30am u t-8.30pm matul ix-xhur tax-xitwa u bejn is-6.30am u s-7.30pm fix-xhur tas-sajf.