Thursday, June 12, 2025

Aktar spekulazzjoni dwar min se jkun Kap tal-PN

Aqra wkoll

Donnu li fil-Partit Nazzjonalista hemm indikazzjonijiet li min se jkun Kap se tkun persuna li mhijiex Membru Parlamentari f’Malta. Dan jidher ukoll minn dikjarazzjoni li għamel id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li qal li lest iċedi s-siġġu parlamentari tiegħu f’każ li l-persuna li tiġi eletta bħala Kap, ma tkunx Membru tal-Parlament Malti. 

Din l-istqarrija tagħmel parti mill-ħafna diskors li qed jingħad dwar min se jkun is-suċċessur ta’ Bernard Grech. Tant li diġà bdew jissemmew xi ismijiet, issa li minn hawn u ftit ieħor jiskatta l-proċess għall-ħatra ta’ Kap ġdid skont l-istatut tal-PN. 

Fost dawk li kkummentaw kien hemm ukoll l-Avukat Franco Debono, li wera t-twemmin tiegħu li fil-PN hemm persuni validi biex jokkupaw il-kariga ta’ Kap. Huwa qal li hi sorpriża għalih li kull darba li jkun hemm vakanza fit-tmexxija tal-PN jissemma ismu u numru ta’ nies iħarsu lejh bħala kandidat potenzjali għat-tmexxija tal-PN. 

Dr Debono kompla jgħid li l-partitarju Nazzjonalist sar espert tat-tgħajjir. Tant hu hekk li qal li fil-konfront tiegħu sar ħafna tgħajjir. Qal ukoll li l-partitarju nazzjonalist jekk mhux se jeduka u jinforma ruħu, il-partit mhux se jieħu ruħ.

Dr Debono qal ukoll li min ikun Kap irid idaħħal daqsxejn ta’ dixxiplina. Huwa ddeskriva liż-żewġ partiti ewlenin b’mod li qal li l-Partit Laburista minkejja li għandu vantaġġ ta’ 40,000, qiegħed jara lil min se jġib lura filwaqt li l-Partit Nazzjonalista b’40,000 minn taħt qed jara lil min se jkeċċi.

Dwaru nnifsu, huwa qal li n-nies jafu fejn huma miegħu u sostna wkoll li hemm bżonn Kap li tkun taf fejn qiegħed miegħu u li jdaħħal ftit element ta’ dixxiplina. 

Roberta Metsola tindika li se tibqa’ tokkupa l-kariga ta’ President tal-PE

Sadanittant, il-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola waqt li kienet qiegħda tiġi intervistata indikat li m’għandhiex il-ħsieb li tikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk tibqa’ tokkupa l-kariga li għandha bħalissa.

Mistoqsija minn POLITICO dwar ir-ritorn fil-politika Maltija, Metsola qalet biss li għandha responsabbiltà fi Brussell.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport