Aktar stabbilimenti tal-catering qed juru interess biex jinvestu fl-istabbiliment tagħhom jew f’oħrajn fl-istess settur fit-12-il xahar illi ġejjin. Dan ħareġ minn studju illi sar mill-Professur Vincent Marmara dwar l-istabbilimenti tal-catering f’Malta u li ġie kkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE). Dan l-istudju sar f’Settembru li għadda fost 250 sid ta’ stabbilitment tal-catering u jkopri l-perjodu Jannar – Ġunju 2025.
L-istħarriġ wera li filwaqt li bejn Lulju u Diċembru 2024, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (61.9%) qalu li ma kinux beħsiebhom li jinvestu fir-ristorant tagħhom jew fi stabbiliment simili, dan l-ammont naqas għal 54.5% bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena. Min-naħa l-oħra dawk li wrew li lesti li jinvestu żdiedu minn 23% għal 30.3%. Dawk indeċiżi baqgħu fl-istess livell ta’ madwar 15%.
Mill-istess studju ħareġ ukoll li l-iktar li għamlu investiment fl-istabbiliment tagħhom, kienu l-casual diner u r-ristoranti fine dining fost oħrajn.
Sadanittant, 36.7% tal-istabbilimenti tal-catering irrapportaw li żdidilhom il-bejgħ u d-dħul tagħhom fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Fl-istess waqt, 29.2% qalu li baqgħu fejn kienu filwaqt li 34.2% qalu li naqsilhom id-dħul.
Mistoqsija jekk hux qed jantiċipaw żieda fid-dħul u l-bejgħ tagħhom bejn Lulju u Diċembru 2025, 45.2% ta’ dawk li wieġbu qalu li jaħsbu li se jkollhom inqas, mentri 55% qed jantiċipaw li se jkollhom dħul akbar f’dan il-perjodu.
Il-maġġoranza tal-istabbilimenti rrapportaw li bħala medja kull klijent jonfoq bejn €15 u €29 (31.9%). Dan filwaqt li 19.5% qalu li l-klijenti tagħhom jonfuq bejn wieħed u ieħor €30 u €49 kull persuna.
Meta mistoqsija jekk għamlux xi tip ta’ investiment fl-istabbiliment tal-catering tagħhom fl-aħħar 12-il xahar (Lulju 2024 – Ġunju 2025), 60.9% wieġbu li IVA filwaqt li 39.1% qalu li “LE”.
Il-maġġoranza tal-klijenti jippreferu jħallsu bil-card milli bi flus kontanti. Jekk wieħed jieħu bħala medja
Dawk li wieġbu ntalbu jiddikjaraw x’perċentwal tal-klijenti tagħhom kienu Maltin jew turisti. Meta wieħed jieħu l-medja ta’ dawk kollha li wieġbu għal dan l-istħarriġ, ġie nnutat li l-maġġoranza tal-klijenti kienu Maltin (55.1%), filwaqt li 44.9% kienu turisti.
Fost l-istabbilimenti tal-catering, l-aktar fattur ta’ sfida huwa “l-iskills pass u l-impatt li dan qed ikollu fuq l-istaff” (punteġġ medju ta’ 2.0), filwaqt li l-inqas sfida hija “wisq stabbilimenti tal-catering” u “sfida fil-ġbir tal-iskart inġenerali” (b’punteġġ medju ta’ 3.5).
Fost l-istabbilimenti tal-catering, l-ikbar prijorità hi t-tnaqqis tal-VAT fuq l-ikel minn 18% għal 7% kif propost mill-ACE.