Mid-dokument ta’ qabel il-budget għas-sena 2026, li ġie ppreżentat ftit tal-jiem ilu mill-Ministru tal-Finanzi, jidher li pajjiżna miexi b’ritmu tajjeb lejn aktar stabbilità fil-finanzi tal-Gvern. Dan billi huwa stmat li fis-sena li ġejja kemm id-dejn nazzjonali u anke d-defiċit huma mbassra li se jkompli niżlin ’l isfel.
Dan jikkonferma l-politika għaqlija fiskali li mexxa l-Gvern preżenti tul dawn l-aħħar snin partikolarment minn wara l-effetti severi li ħalliet il-pandemija. Apparti minn hekk, il-Gvern qed juri li l-andament ekonomiku għas-sena li ġejja se jibqa’ jkun wieħed reżiljenti minkejja kundizzjonijiet u sfidi globali.
Wara s-snin tal-pandemija, id-defiċit ta’ Malta naqas minn 4.6% fl-2023 għal 3.6% fl-2024, bit-tbassir juri iktar titjib għal 3.2% fl-2025. Huwa mistenni li għall-2026, id-defiċit jinżel taħt it-3.0% tal-PDG filwaqt li r-rata tad-dejn mal-PDG tibqa’ taħt is-60.0%. Għall-2025, ir-rata tad-dejn ġenerali mistennija tkun ta’ 47.2%, ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 81.8% u mil-limitu ta’ 60%.
Dan kollu fl-isfond li kif ħabbar il-Ministru Caruana nnifsu, is-sena d-dieħla, għal sena wara l-oħra, pajjiżna se jibqa’ jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, huwa mistenni tkabbir ekonomiku fl-istess livelli ta’ din is-sena, bi tkabbir reali ta’ 4%.
Għalhekk, quddiem dawn ir-riżultati li qed jikseb pajjiżna, għandna għalxiex inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu lejn budget ieħor li jkompli jwieżen lill-familji Maltin u Għawdxin u jgħin lin-negozji. Budget fiskalment responsabbli u li se jkompli jsaħħaħ is-sisien ta’ pajjiż.
Nifhmu li l-budget li għandu jitressaq fi ftit ġimgħat oħra se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar, biex mhux biss ikunu konsolidati dawk il-miżuri favur dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà imma wkoll titjieb il-pożizzjoni anke ta’ dawk li huma meqjusa fil-klassi medja permezz tat-tnaqqis fit-taxxi, kif diġà tħabbar kemm mill-Prim Ministru u anke mill-Ministru tal-Finanzi.