“Il-klikka li ħatfet lill-PN qed terfa’ rasha” … “Il-PN miet”
Matul l-aħħar sigħat, aktar tesserati Nazzjonalisti komplew juru l-għadab tagħhom għal dak li għadda minnu Adrian Delia. Fuq il-midja soċjali spikkaw għadd kbir ta’ kummenti minn sostenituri ta’ Adrian Delia. Diversi minnhom mhux biss iddikjaraw li huma jħossu li ma jappartjenux lill-Partit Nazzjonalista imma anke qattgħu jew bagħtu it-tessera lura lill-PN.
Warren Grech kiteb li “it-tessera ma tiswa xejn. Għax partit ma fadalx. X’inhu l-iskop li tkompli tiġri wara partit li lilek, lili u lil 5,600 tesserat ma jistmahomx. Qalu li sebaħ jum ġdid. Għalija ukoll. Il-PN m’għadux jeżisti għalija u frankament issa jiġri li jrid”.
Edmund Gordon Farrugia, dwar kumment biex tirrenja l-għaqda, kiteb li “jien m’iniex ipokrita”.
Minn naħa tagħha, Antoinette Borg, iddikjarat li “le li nivvota Labour qatt u qatt ma nivvota lil min kien kaġun ta’ din il-firda fil-PN”. Raymond Spiteri jikteb li “m’hemmx ċans. Daqshekk PN. Ivvutaw Labour”. Ma naqsux partitarji li żżufjettaw b’dak li qal il-kap attwali Bernard Grech. Spikka ritratt tal-Madum bil-bandiera Griega f’nofsha kumment li “kulħadd flimkien wara din. Nistħu li aħna Maltin”.
Amanda Borg tikteb li “bye bye PN. Jien qatt ma nista’ nappoġġja lil Jason Azzopardi and co”. Fost dawk li qattgħu it-tessera u tefgħu ritratt fuq is-sit soċjali kien hemm Andre Cordina u Justin Camilleri. Karmenu Bezzina tefgħu tlett tessera u kiteb li “fi triqithom lejn tal-Pietà”.
“Il-klikka li ħatfet lil PN qed terfa’ rasha”
Liliana Risiott kitbet li “l-vot tat-tesserati tliet snin ilu ma kienx stmat. Għaliex għandi nistma l-vot tal-lum? Qatt u qatt u qatt. Il-PN miet u twieled il-partit ta’ Daphne”.
Fi blog intkiteb li “mill-għada tar-riżultat, Bernard Grech diġa’ ngħata twissija dwar kif għandu jimxi mill-blogger Manuel Delia. Issa li għaddiet l-elezzjoni – li kienet immirata b’mod personali li tqaċċat lil Adrian Delia, aktar ġie fis-seħħ is-slogan ta’ Adrian Delia nnifsu “Għaqda b’lealtà.” Kien is-sewwa magħruf x’ried ifisser biha Adrian Delia, li għal tliet snin sħaħ, il-maġġoranza tad-deputati mhux talli ħaduh fuq demm id-dars talli għamlu minn kollox biex iqaċċtuh. U rnexxielhom. Dawn deputati li telgħu bil-vot tal-kostitwenti rispettivi tagħhom li ivvutawlhom biex jaħdmu għall-pajjiż u biex isaħħu l-Partit. Is-sejħa ta’ Adrian Delia biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ għand in-Nazzjonalisti, sfortunatament waqgħet fuq widnejn torox. Issa l-Partit Nazzjonalista reġa’ nħakem minn grupp elitista, vendikattiv u liberali mhux Nazzjonalist. Il-klikka li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista, nhar is-Sibt li għadda diġa’ bdiet terfa’ rasha. Lill-Kap il-ġdid f’idejh tawh riedni fantażma. Ma nieħu xejn bi kbir jekk l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech terġax lura fiż-żmien u titlob koalizzjoni ma’ Marlene u Godfrey Farrugia tal-Partit Demokratiku, bħalma kien għamel Simon Busuttil.”
Ġie enfasizzat li “Adrian Delia, hekk kif tela’ tliet snin ilu beda jiġbor lill-Partit biex isaħħu u l-ewwel pass tiegħu kien li jirtira l-ftehim ta’ koalizzjoni, biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jippriserva ismu, l-ideoloġija u l-prinċipji tiegħu, li dejjem poġġihom qabel kollox. Il-passi li ħa Adrian Delia kienu kollha favur in-nies, favur in-nazzjonalisti, mingħajr qatt ma basar x’realtà qed ngħixu llum. Il-prinċipji spiċċaw l-ideoloġiji taru mar-riħ u l-poplu sar indifferenti. Kollox u kulħadd sar disposable, anki n-nies li jridulek il-ġid. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-koppja Farrugia tal-Partit Demokratiku ingħaqdet mal-Alternattiva Demokratika. Issa naraw x’se jkun qed jagħmel il-Kap ġdid li libes żarbun kbir ħafna.”