Monday, June 23, 2025

Aktar tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema 

Aqra wkoll

Malta qiegħda tkompli tkabbar ir-reputazzjoni tagħha f’dawk li huma riformi u libertajiet ċivili. Fil-fatt, meta jiġi introdott il-leave mħallas mill-Gvern għall-Miscarriage Leave, pajjiżna se jkunu minn tal-ewwel li jdaħħal miżura bħal din. Dan bi skop li jkomplu jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna.

Il-Miscarriage Leave – li dwaru saret konsultazzjoni wiesgħa u li issa daħlet fl-aħħar fażi – kien suġġett diskuss ħafna f’dawn l-aħħar xhur fejn anke saru bosta laqgħat fil-komunità. Kienu laqgħat li fihom il-Gvern sema’ l-esperjenzi personali tan-nies li għaddew minn korriment tat-tqala filwaqt li ġabar diversi suġġerimenti u proposti mingħand esperti fil-qasam, l-imsieħba soċjali u kif ukoll mingħand il-pubbliku.

Mill-esperjenza ta’ familja meta jkun hemm miscarriage, mhijiex xi ħaġa li wieħed jista’ jaċċetta b’mod leġġer. Imma l-effett li tħalli tmiem ta’ tqala huwa kemm emozzjonali u anke fiżiku. Għal ħafna koppji, speċjalment dawk żgħażagħ, din l-esperjenza hi bħal dik ta’ tmiem ta’ ħolma li tkun ilha tistenna biex issir realtà.

Nistqarru li xejn ma kienet faċli li koppji bħal dawn jersqu ’l quddiem u jaqsmu ma’ oħrajn dak li għaddew minnu. Dawn l-istess persuni iżda saħqu fuq il-bżonn li din id-diskussjoni tibqa’ għaddejja biex aktar persuni jħossuhom komdi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-appoġġ li għandhom bżonn. Ħafna oħrajn qalu li l-leave wara t-telfa ta’ tqala m’għandhiex tkun lussu imma dritt, u taw appoġġ tagħhom għal din l-inizjattiva li qed jieħu l-Gvern li fi kliemhom hija tant bżonnjuża.

Għalhekk, kull kontribut li sar waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu essenzjali u importanti biex f’pajjiżna tkun introdotta din l-inizjattiva, li meta tidħol fis-seħħ se tkun ħolqa oħra fil-kullana ta’ assistenza soċjali li qed jingħata lil min jeħtieġha. 

Dan il-pass ikompli jikkonferma kemm il-Gvern qed jisma’ l-karbiet diversi tas-soċjetà. Dan filwaqt li qiegħed jintbagħat messaġġ ċar li l-Gvern qiegħed hemm biex jagħti sapport fil-mumenti li n-nies verament ikollhom bżonn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport