Saturday, September 20, 2025

AKTAR TITJIB FIL-QASAM TAL-ANZJANITÀ ATTIVA

Aqra wkoll

Is-settur tal-anzjanità attiva u l-kura fil-komunità qed ikompli jimmodernizza u jespandi s-servizzi tiegħu biex jindirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet li kontinwament li qed jinbidlu tal-popolazzjoni aktar avvanzata fl-età f’pajjiżna. Fil-fatt, qed ikunu introdotti mudelli ta’ kura innovattivi filwaqt li qed ikomplu jissaħħu l-iskemi li jippromwovu l-anzjanità attiva, l-indipendenza u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja għall-anzjani. 

Insemmu fost oħrajna ż-żieda fl-iskema tal-Carer at Home, bis-sussidju għal dawk li jimpjegaw carer full time issa jitla’ għal €8,500 fis-sena. Ma’ dawn hemm ukoll l-estensjoni tas-servizzi tat-telecare u l-ħolqien ta’ aktar ċentri ta’ anzjanità attiva biex l-anzjani jinvolvu aktar ruħhom u jipparteċipaw fil-komunità. 

F’dan il-qasam partikolari, fid-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget 2026 hemm elenkati ħemel ta’ miżuri li ttieħdu flimkien ma’ oħrajn li se jkunu qed jitwettqu fix-xhur li ġejjin kif ukoll għas-sena d-dieħla. 

B’mod partikolari jissemma t-titjib infrastrutturali li se jibqa’ għaddej li jinkludi rinovar fi djar tal-anzjani. Wieħed ma jistax ma jsemmix kif f’San Vinċenz de Paul sar progress sinifikanti fl-immodernizzar tal-infrastruttura relatat mal-kura tas-saħħa, bl-installazzjoni ta’ CT scanner ġdid state-of-the-art. 

Dak kollu li diġà sar f’dan il-qasam jagħtina x’nifhmu li l-Gvern se jistimula aktar l-anzjanità attiva billi jkompli jintroduċi inċentivi fiskali u finanzjarji biex jinkoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jibqgħu attivi anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Dan mhux biss se jħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li minbarra pensjoni jkollhom ukoll dħul adizzjonali iżda wkoll iħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-pajjiż. 

Filwaqt li r-riżultati miksuba f’dan il-qasam huwa ta’ min ifaħħarhom, inħarsu ’l quddiem għal aktar inizjattivi li għandhom ikomplu jtejbu lil din il-faxxa tas-soċjetà. Għalhekk, għandna għax nifhmu li l-anzjanità attiva se tkun qiegħda terġa’ tingħata prijorità fil-Budget 2026 li se jitħabbar ftit tal-ġimgħat oħra u b’dan il-mod jerġa’ jintbagħat messaġġ b’saħħtu ta’ kemm dan il-Gvern għandu għal qalbu dan is-settur u jagħraf l-importanza tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport