Saturday, November 23, 2024

Aktar vittmi qed jirrappurtaw minflok jibqgħu jbatu fis-skiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, f’Malta kien hawn mas-618-il każ ta’ vjolenza domestika li ġew irrappurtati lill-Pulizija. Meta kkumparat mal-istess sitt xhur tas-sena preċedenti, din iċ-ċifra tfisser żieda ta’ 15%.

L-ORIZZONT tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti dwar dan fejn qal li din iż-żieda tfisser li aktar vittmi qed jiġu ‘l quddiem biex jirrapurtaw minflok jibqgħu lura u jekk ma jagħmlux dan, sfortunatament jista’ jwassal għal aktar tbatija fis-skiet. Grixti qal li dan qed ikun possibbli grazzi għall-kampanji ta’ għarfien li jorganizzaw l-NGOS, Pulizija, il-Kummissjoni u huma stess biex jissensibilizzaw lin-nies u joħolqu aktar għarfien dwar din ir-realtà li għamlet ħafna żmien taboo li ħadd ma kien irid jitkellem dwaru.

Mistoqsi dwar kif laqgħu l-aħbar dwar l-investiment il-ġdid fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fil-qasam tal-vjolenza domestika, Grixti fakkar li bħala FSWS mhux biss għandhom relazzjoni ta’ xogħol tajba ħafna mal-Korp tal-Pulizija imma anke għandhom ftehim formali – Memorandum of Understanding (MOU) li ffirmaw sentejn ilu biex iż-żewġ naħat jaħdmu dejjem f’sintonija flimkien f’dan il-qasam.

“Baqa’ l-fatt iżda li, minkejja t-taħriġ kontinwu li l-Korp minn dejjem ta lill-membri tiegħu, ħafna kien jiddependi fuq is-sensittività u l-għarfien ta’ min ikun “duty” fl-għases meta jsir ir-rapport. Għaldaqstant huwa pożittiv ħafna li l-Korp għaraf din is-sitwazzjoni u qed jindirizzaha permezz ta’ dan it-tagħrif. Mill-kuntatt kontinwu li għandna naf li din il-ħaġa ħaduha bl-aktar serjetà u ilhom xhur bejn l-ewwel ħarġu l-applikazzjonijiet għal min irid jaħdem f’dan il-qasam u issa daħlu fil-pass ta’ wara r-reklutaġġ, jiġifieri taħriġ speċjalizzat,” qal Grixti.

Huwa żied jgħid li l-persuni responsabbli, speċjalment l-Assistent Kummissarju Dr Theuma u l-Ispettur Sylvana Gafa, is-sena l-oħra anke bagħtu lin-nies tagħhom biex jattendu taħriġ li organizzaw l-FSWS meta kienu ġabu esperta mill-Ingilterra biex tħarreġ lit-tim tagħhom li jagħmlu r-risk assessments. 

Sport