Sunday, December 22, 2024

Aktar vittmi rkuprati wara li sfaw mgħarrqin f’mina fil-Korea t’Isfel

Aqra wkoll

Uffiċjali tas-salvataġġ fil-Korea ta’ Isfel li qed jaħdmu biex jirkupraw karozzi li spiċċaw mgħarrqin f’mina rkupraw mill-inqas seba’ vittmi. Skont rapporti fil-midja lokali issa l-vittmi kawża tal-għargħar qabżu t-30 hekk kif 26 persuna oħra kienu ċċertifikati mejta aktar qabel. Minbarra dawn hemm mill-inqas 10 persuni oħra li jinsabu rrappurtati neqsin.

S’issa għadu mhux magħruf kemm persuni għadhom maqbudin fil-mina li hu stmat li hi twila 685 metru. Madanakollu jidher li hemm mill-inqas 15-il vettura li spiċċaw mgħarrqin.

Skont l-uffiċjali fil-pajjiż jidher li l-mina f’Osong li tinsab viċin il-belt ta’ Cheongju spiċċat b’ammont sostanzjali ta’ ilmijiet u ma tatx ċans lis-sewwieqa u lill-passiġġieri biex jirreaġixxu.

Sitt katavri kienu irkuprati minn fuq xarabank filwaqt li aktar qabel kien irkuprat katavru ieħor. Fuq nota pożittiva, disa’ persuni ġew salvati.

Il-biċċa l-kbira tal-imwiet l-oħra kienu reġistrati fit-tramuntanta ta’ Gyeongsang wara li valangi kinsu magħhom djar sħaħ.

Hu stmat li mat-300 millimetru ta’ xita niżlet madwar il-pajjiż matul il-ġurnata tas-Sibt.

Skont l-Assoċjazzjoni Meteoroloġika Koreana l-pajjiż tipikament jara bejn l-1,000 millimetru u l-1,800 millimetru fis-sena għalkemm ħafna minn dan l-ilma jaqa’ x-xhur tas-sajf.

Eluf ta’ persuni spiċċaw affettwati minħabba ħsarat kbar infrastrutturali tant li ħafna kellhom jevakwaw.

Is-Sibt biss, mas-6,400 persuna kellhom jevakwaw wara li d-diga ta’ Goesan bdiet tfur u kkawżat għargħar b’ħafna residenzi u toroq spiċċaw mgħarrqin.

Ekonomija

Sport