Saturday, January 11, 2025

Aktar żjarat f’Għawdex mill-Prim Ministru Robert Abela li jixhdu l-bżulija tan-negozji Għawdxin

Aqra wkoll

Fi żjara li għamel fil-gżira Għawdxija, il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ postijiet ta’ negozju li komplew jimirħu wara appoġġ li rċevew. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fi żjara f’David’s Bakery f’Kerċerm u fir-razzett tal-baqar ta’ Krispinu (Krispinu Farm) f’Ta’ Sannat kien hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

F’David’s Bakery, il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-reżiljenza ta’ negozju tal-familja li llum iħaddem 85 ruħ full-time. Ġie spjegat li din il-kumpanija Għawdxija toffri prodotti lokali u kibret fl-industrija marbuta mal-produzzjoni tal-ħobż.

Intqal kif il-kumpanija dejjem qed tkun aktar dinamika u toffri fis-suq prodotti differenti għall-konsumaturi. Il-Ministru Clint Camilleri fisser l-eżempju ta’ din il-kumpanija bħala wieħed eċċellenti li jiddeskrivi l-bżulija tan-negozju Għawdxi li jegħleb sfidi oħra, fosthom l-insularità.

Fiż-żjara fir-Razzett Ta’ Krispinu, ġie spjegat lill-Prim Ministru li dan ir-razzett qed jilqa’ fiha taħriġ fil-qasam tar-raħħala lil bosta żgħażagħ li jistgħu jkomplu jaħdmu fis-settur tant importanti għas-soċjetà. Ġie nnutat li dan ir-razzett gawda minn fondi pubbliċi u Ewropej taħt skemi favur l-innovazzjoni fl-operat ta’ dan ir-razzett.

L-operaturi ta’ Krispinu Farm spjegaw ukoll kif waqt pandemija rċevew l-appoġġ meħtieġ biex ġie sostnut l-operat tal-produzzjoni minkejja sfidi mhux żgħar. Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-għajnuna finanzjarja li ngħataw il-bdiewa u r-raħħala f’dawn l-aħħar snin irriżultat f’iżjed ħidma u suċċess għalihom stess, filwaqt li komplejna niżguraw l-aqwa produzzjoni ta’ prodotti lokali għall-konsumatur Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport