Fl-aħħar jiem kompliet għaddejja l-istorja ta’ Julia Faustyna Wende tfajla Pollakka li qed tallega li fil-verità hi t-tifla Madeleine McCann li kienet inħatfet fil-Portugall.
Uffiċjali ta’ Scotland Yard li ilhom snin jinvestigaw dan il-ħtif, qalu ma’ aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali li huma ma jemmnux li Julia hija fil-verità Madeleine.
Jgħidu wkoll li ma hemm l-ebda konnessjoni bejn iż-żewġ tfajliet hekk kif baqgħu jinsistu li Madeleine ġiet maqtula fil-lejl li nħatfet.
Sorsi minn Scotland Yard qalu mal-midja internazzjonali li huma qegħdin isegwu l-każ u fil-filmati li tellgħet Julia fil-midja soċjali sabu inkonsistenza kbira.
Huma ġew irraportati li qalu li Julia mhux l-ewwel tfajla li qed tgħid li hi Madeleine hekk kif fis-snin li għaddew kien hemm aktar bniet li resqu ‘l quddiem biex jiċċekkjaw id-DNA tagħhom.
Scotland Yard tgħid ukoll li hu ferm diffiċli li persuna jaħtaf tifla u jżommha ostaġġa għal dawn is-snin kollha u ħadd ma jinduna li fil-verità l-istess tifla għandha identità oħra. Dan meta tqis li Julia kienet attiva fil-ħajja soċjali tagħha fejn attendiet skola b’mod normali.
Intant il-Pulizija Pollakka qalu li huma qegħdin ukoll jinvestigaw dak li qed tgħid Julia u mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li hi mhux il-persuna nieqsa Madeleine McCann.
S’issa l-familja ta’ Madeleine ma taw l-ebda kummenti lil midja. Però li hu żgur li sorsi qrib sew tal-familja kkonferma li xi ħadd mill-aktar qrib ta’ Madeleine se jkun qiegħed jagħmel DNA ma’ Julia biex l-istorja dwar din it-tfajla tinqata’ darba għal dejjem.
Li hu żgur ukoll li l-ġenituri huma determinali li jibqgħu jfittxu lil binthom sakemm imutu.
Jidher ukoll li l-familja ta’ Julia jinsabu mħassbin ferm dwar saħħet binthom minħabba li huma anke offrewlha terapija minħabba l-kundizzjoni li allegatament issofri minnha.