Il-partit populista tal-lemin Liġi u Ġstizzja (PiS) jinsab fir-rotta li jirbaħ l-iktar siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali tal-Polonja. B’danakollu, l-istħarriġ ta’ wara l-votazzjoni jindika li minkejja dan, il-PiS mhux se jkun probabbli li jassigura t-tielet mandat tiegħu fil-gvern.
Il-partit populista tal-lemin li jinsb fil-gvern huwa mistenni li jirbaħ 36.6% tal-voti, bl-oppożizzjoni ċentrista tikseb 31%, skont l-istħarriġ Ipsos. Jekk dan hu korrett, il-Koalizzjoni Ċvika ta’ l-eks president tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk għandha ċans akbar li tifforma gvern ta’ koalizzjoni. B’hekk Tusk ikun wasal li jtemm tmien snin ta’ ħakma tal-PiS taħt il-mexxej Jaroslaw Kaczynski.
Il-Kap tal-PiS ammetta li ma kienx jaf jekk is-suċċess tal-partit hux se jkun biżżejjed biex jinbidel f’terminu ieħor fil-poter.
Wara r-riżultat, Tusk li għandu 66 sena qal lill-folla kbira ta’ partitarji ferħanin f’dak li ħassu bħal rally ta’ rebħa f’Varsavja li “l-Polonja rebħet, id-demokrazija rebħet,”
Kien hemm għajjat ta’ ferħ hekk kif l-istħarriġ tal-Ipsos tefa’ fuq l-iskrin immaġini ta’ Tusk waqt li l-partitarji bdew jgħajtu ismu.
L-uffiċjali elettorali qalu aktar tard li l-parteċipazzjoni kienet aktarx ta’ 72.9%, l-ogħla waħda mill-waqgħa tal-komuniżmu fl-1989.
Il-votazzjonijiet għalqu fid-9.00 ta’ filgħaxija ħin lokali, iżda xorta kien għad hemm kjuwijiet ta’ votanti biex jixħtu l-vot tagħhom f’Varsavja u Krakovja, u fis-sigħat bikrin fi Wroclaw.
Ipsos qal li proporzjon ta’ żgħażagħ ta’ bejn it-18 u d-29 sena li vvutaw kien akbar minn dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.
Il-PiS hu mbassar li jirbaħ 198 siġġu fil-parlament ta’ 460 siġġu skont l-istħarriġ ta’ wara l-votazzjoni, 33 inqas mill-231 meħtieġa biex partit jirbaħ il-maġġoranza u jiggverna.
Jaroslav Kaczynski, il-kap tal-PiS pinġa lir-rivali tiegħu Tusk bħala pupazz ta’ Berlin u Brussell u wiegħed li jżomm il-politika qawwija tal-partit tiegħu kontra l-immigrazzjoni.
Il-Kap tal-Koalizzjoni Ċvika Donald Tusk iddeskriva l-vot bħala l-aktar vot importanti tal-Polonja mill-waqgħa tal-komuniżmu u vitali għall-futur fl-Unjoni Ewropea.
Huwa wiegħed li jtejjeb ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u jiżblokka €36bn (£30bn) ta’ fondi tal-UE għall-irkupru tal-pandemija Covid li kienu iffriżati minħabba riformi ġudizzjarji tal-PiS li wasslu biex l-ogħla karigi fil-qrati jingħataw lil imħallfin simpatiċi mal-partit fil-gvern.
Jekk iż-żewġ exit polls jiġu sostnuti, il-partit ta’ Donald Tusk għandu l-aktar ċans li jifforma koalizzjoni wiesgħa, maċ-ċentru lemin Third Way u Lewica tax-xellug.
Il-votanti li tkellmu qalu li huma nervużi bir-riżultat tal-elezzjoni, u kollha kemm huma raw dan bħala deċiżiv għad-direzzjoni futura tal-Polonja.
Wara din l-elezzjoni, l-appoġġ qawwi tal-Polonja għall-Ukrajna mhux probabbli li jinbidel, kważi 20 xahar wara l-invażjoni sħiħa tar-Russja. Madankollu, il-mexxejja tal-PiS wrew sinjali ta’ taħwid f’dawn l-aħħar ġimgħat, fi sforz apparenti biex jattiraw lura votanti li resqu lejn il-partit tal-Konfederazzjoni xettika tal-Ukrajna.
Il-Pollakki vvutaw f’aktar minn 30,000 post tal-votazzjoni, u kien hemm kjuwijiet twal barra l-Polonja wkoll, b’600,000 espatrijati irreġistrati biex jivvutaw.
Il-Koalizzjoni Ċvika wiegħdet ukoll li tilliberalizza l-liġijiet dwar l-abort, wara projbizzjoni kważi totali imposta fl-2021.
Kelliemi għall-Kunsill Ewropew għar-Relazzjonijiet Barranin qal li rebħa tal-oppożizzjoni tiftaħ it-triq għal “riorjentazzjoni massiva” tal-politika domestika u Ewropea.
Il-Polonja hija maqsuma f’41 distrett u għandha sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali għall-parlament tagħha, ibbażata fuq listi tal-partiti. Il-voti tal-espatrijati jgħoddu għad-distrett ta’ Varsavja.
Il-Pollakki vvutaw ukoll għall-kamra superjuri, is-Senat, u ħadu sehem f’erba’ referenda li kollha dehru maħsuba biex iħeġġu l-votanti tal-PiS biex jivvutaw.