Sunday, December 22, 2024

Aktarx li Grech ma nqatilx fil-post li nstab fih

Espert forensiku jgħid li fl-għalqa ma kienx hemm sinjali ta’ ġlied

Aqra wkoll

Fil-ġuri tal-lum dwar il-qtil ta’ Simon Grech — it-transgender ta’ 20 sena li nstab mejjet f’għalqa fil-Marsa fil-5 t’April tal-2005, kien imiss li jagħtu x-xhieda tagħhom żewġ tobba li kienu eżaminaw il-katavru ta’ Grech. Fl-istess seduta, mix-xhieda ta’ espert forensiku, irriżulta li fl-għalqa ma kienx hemm sinjali ta’ kommossjoni; intant, l-istess espert qal li fl-għalqa li nstab fiha l-katavru ma kienx hemm sinjali ta’ ġlied u għalhekk dan jindika li Grech x’aktarx ma nqatilx fl-għalqa fejn instab.

Fil-Qorti nqrat ix-xhieda ta’ Dr Mark Rosso — tabib li llum il-ġurnata huwa mejjet — li kien qal li l-vittma kellu qtugħ superfiċjali f’idu x-xellugija u fil-pala ta’ jdejh, u li dawn ma kinux friski tant li x’aktarx saru jumejn jew tlieta qabel ma seħħ il-qtil. Instabu wkoll żewġ feriti fuq il-polz t’idu x-xellugija. Barra minn hekk, il-katavru ta’ Grech kellu xi marki oħra li jikkonfermaw illi l-vittma kien jabbuża mid-droga.

Min-naħa tiegħu, it-tabib u l-espert forensiku Mario Scerri, spjega kif nhar it-13 ta’ April tal-2005 instab katavru f’għalqa fil-Marsa li kien ilu mejjet bosta jiem u eventwalment minn stħarriġ illi sar irriżulta li l-vittma kien Simon Grech.

Waqt il-qari ta’ rapport li kien ħejja hu stess dwar il-qtil ta’ Grech, ix-xhud qal li huwa mar fuq il-post fit-13 t’April tal-2005 għall-ħabta tas-6.30 p.m. fejn sab il-katavru ta’ Grech f’għalqa qalb il-ħaxix u z-zkuk għoljin, u li l-katavru kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni bl-iktar sinjali evidenti kienu f’xi partijiet tal-wiċċ; il-parti tal-għonq tan-naħa x-xellugija u spalla minnhom kienu dekomposti wkoll. Fix-xhieda tiegħu, l-espert forensiku qal li fuq il-wiċċ kien hemm ħafna feriti suspettużi u fisser li dawn huma sinjali ta’ vjolenza.

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-katavru ta’ Grech kellu qatgħa fonda fil-parti privata, qatgħa oħra fonda fir-riġel tal-lemin u oħra fuq l-irkoppa, kif ukoll qatgħat fuq ix-xellug tal-moħħ — kollha kompatibbli ma’ strument li jaqta’ u bil-ponta. Kien hemm ukoll qatgħat twal u fondi fuq is-sider, u qatgħat oħra fuq il-kumplament tal-ġisem.

Id-daqqiet bl-istrument li jaqta’ u bil-ponta kienu l-aktar ikkonċentrati fuq is-sider u ’l fuq. Kien hemm qatgħat fondi fuq in-naħa l-leminija tal-għonq fosthom qatgħa fuq l-ispalla l-leminija u fuq id-driegħ tal-lemin. L-espert forensiku qal li Grech fuq ġismu kellu wkoll bosta ġrieħi (fosthom fuq il-pala tal-id u fuq is-swaba’) u fisser li dan seħħ minħabba li l-vittma kien qed jipprova jiddefendi lilu nnifsu. Għaldaqstant, huwa qal li dawn huma indikazzjoni li Grech kien f’sensih waqt l-aggressjoni u li kien qed jagħmel l-almu tiegħu possibbli biex jiddefendi ruħu.

Ekonomija

Sport