Sunday, November 24, 2024

Al Hilal qed joffru £259 miljun għal Kylian Mbappe

Aqra wkoll

Il-club mill-Arabja Sawdija, Al Hilal, għamel offerta rekord ta’ £259 miljun għall-attakkant ta’ Paris St-Germain Kylian Mbappe.

Il-captain ta’ Franza ta’ 24 sena, li fadallu sena kuntratt, irrifjuta li jiffirma estensjoni maċ-champions Franċiżi u ma kienx parti mit-tour ta’ qabel l-istaġun fil-Ġappun.

Il-Pariġini jridu jbigħu lil Mbappe proprju f’dan is-suq tat-trasferimenti minflok iħalluh jitlaq b’xejn fis-sajf li ġej.

It-trasferiment ta’ £200 miljun ta’ Neymar minn Barcelona għal PSG, fl-2017, huwa r-rekord attwali.

PSG attivaw il-klawsola ta’ rilaxx tal-attakkant tal-Brażil Neymar biex jagħmluh l-aktar player għali fid-dinja.

Jekk jiċċaqlaq, Mbappe se jkun involut tnejn mill-ogħla tariffi mħallsa għal player wara li ngħaqad ma’ PSG mingħand Monaco għal £166m, fl-2017.

Mbappe qal li jrid jibqa’ ma’ PSG għal sena oħra qabel jitlaq meta jiskadilu l-kuntratt. Huwa maħsub ħafna li jrid jingħaqad ma’ Real Madrid.

Iċ-chairman, Nasser Al-Khelaifi, għamilha ċara d-determinazzjoni tiegħu li jieħu pożizzjoni iebsa, u qal li huwa “impossibbli” li Mbappe jitħalla jitlaq bi trasferiment b’xejn fl-2024.

Sport