Minn Cristian Muscat
Hekk kif ġie maħtur Chairman tal-Kumitat tar-Referees tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol lura għas-sena 2020, Alan Mario Sant daħal f’fażi ġdida tal-karriera tiegħu, kapitlu li jagħlaq wieħed twil u intens fil-grawnd u jiftaħ ieħor ta’ tmexxija, strateġija u viżjoni.
B’esperjenza rikka ta’ 24 sena bħala referee attiv, aktar minn 200 partita fl-ogħla livell, u 11-il sena bħala referee tal-FIFA, Sant ħalla warajh is-suffara biex issa jmexxi settur kruċjali għall-futbol Malti. U għal dawn l-aħħar ħames snin hu flimkien ma’ sħabu, wettaq riformi kbar fis-settur tant importanti tal-futbol, dejjem sabiex kollox jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Aħna ħadnilu l-kummenti tiegħu fejn hu spjega l-viżjoni ta’ dan il-kumitat li bi pjaċir jgħid li qed jiżdied.
Meta jħares lura lejn l-2020, Sant jiddeskrivi perjodu ta’ riflessjoni u azzjoni. “Kif inhi s-sitwazzjoni tar-referees bħalissa, bi pjaċir ngħid li dak li ppjanajna, mhux biss wasalna għalih imma saħansitra qbiżna l-aspettattivi,” jgħid b’ton sod. Dak iż-żmien meta ngħatajt din il-ħatra, is-settur tar-referees kellu madwar 110 referee, numru li naqas aktar waqt il-pandemija tal-Covid-19. “Kien perjodu diffiċli ħafna. Tlifna referees, tlifna ritmu, tlifna wkoll ċertu kunfidenza.”
Madankollu, minn dik il-kriżi ħarġet opportunità. Sant u t-tim tiegħu ffukaw fuq reklutaġġ, żamma u, fuq kollox, sabiex ambjent san u mill-aqwa. “L-UEFA llum hi konvinta sew dwar dan is-suġġett: mhux biżżejjed li tattira referee; trid iżżommhom f’dan il-qasam. Wieħed jara riklam u jitħajjar, imma imbagħad l-isfida vera hi li l-uffiċjali tal-logħba jibqa’, li jħoss il-passjoni u li jsib ambjent li jagħtih sodisfazzjon.”
Wieħed mill-pilastri ewlenin tal-istrateġija skont Alan Mario Sant kien it-tisħiħ tal-mentoring. “Kabbarna t-tim tagħna u bdejna nieħdu ħsieb aħjar lir-referees ġodda. Mentor jarak, jagħtik feedback, u wara l-logħba nċemplulhom, nitkellmu magħhom, speċjalment jekk ikunu għaddew minn xi esperjenza ħażina,” jispjega. Dan l-approċċ uman u professjonali kellu impatt immedjat: “Qed nagħtuhom merħba fid-dinja tar-referees, u qed naraw li d-deċiżjonijiet tagħna qed iħallu l-frott.”
Illum, is-settur kiber għal 170 referee, u l-ħidma għadha għaddejja. “Numru ta’ referees qatt mhu biżżejjed,” jammetti Sant. “Għandek diviżjonijiet differenti, youths, u anke assoċjazzjonijiet barra l-MFA li aħna nipprovduhom b’referees. Qed nitkellmu fuq madwar 3000 partita fi staġun wieħed, jiġifieri 9000 appuntamenti li jridu jimtlew. Din hija operazzjoni enormi li teħtieġ ippjanar, riżorsi u dedikazzjoni.”
Sant jenfasizza wkoll l-importanza tal-edukazzjoni kontinwa u t-taħriġ kostanti, mhux biss fuq ir-regoli iżda wkoll fuq il-komunikazzjoni u l-ġestjoni tal-pressjoni. “Referee modern irid ikun ippreparat mentalment u fiżikament,” jgħid, “għax il-logħba qed tiżviluppa kontinwament u rridu niżviluppaw magħha.”
Tema oħra ċentrali fl-intervista hija l-introduzzjoni tal-Football Video Support (FVS).
“Ħafna jistaqsu għaliex mhux mal-ewwel il-VAR,” jgħid Sant. “Il-verità hi li hemm differenza importanti bejn VAR u FVS. Huma żewġ sistemi differenti, għalkemm il-bażi tal-protokoll u t-tip ta’ deċiżjonijiet huma simili.”
FVS bħalissa jinsab fi stadju ta’ prova, qed jiġi ttestjat mill-FIFA u minn diversi pajjiżi oħra. L-idea ħarġet mill-kunċett li l-FIFA għandha 215-il assoċjazzjoni nazzjonali, iżda madwar 60 biss jużaw il-VAR, minnhom 35 fil-UEFA. “Il-budget u r-riżorsi umani huma ostakli kbar. Il-VAR jolqot direttament il-finanzi u jagħmilha diffiċli għall-kampjonati iżgħar u pajjiżi żgħar bħalma aħna.”
Hawnhekk tidħol l-innovazzjoni u kif din l-assoċjazzjoni Maltija daħlet għaliha b’ruħha u b’ġisimha. “Aħna l-ewwel pajjiż li qed nużaw l-FVS fl-ogħla diviżjoni,” jgħid b’ċertu kburija. “Spanja u l-Italja qed jużawh f’kompetizzjonijiet tan-nisa jew f’Serie B, imma fl-ogħla diviżjoni aħna għamilna storja.” Skont Sant, l-FVS hu miftuħ għal kulħadd u qed ibiddel id-dinamika tal-logħba għall-aħjar.
Fil-fatt, ir-riżultati diġà qed jidhru. “In-nies qed jaraw din l-invenzjoni teknoloġija, qed jifhmuha, u qed jaraw il-frott tagħha. Aħna kuntenti ħafna bl-FVS għax dan mhux prodott biss għar-refereeing; huwa prodott għall-futbol kollu,” jisħaq. Skontu, il-benefiċċji jinfirxu fuq referees, kowċis, timijiet u l-ispettaklu nnifsu. “Qed jgħolli l-livell tal-logħbiet u jagħti aktar kredibbiltà lid-deċiżjonijiet li jittieħdu.”
L-irtirar immedjat tiegħu bħala referee attiv kien pass diffiċli, iżda meħtieġ. “Meta taċċetta rwol bħal dan, trid tagħmel dan b’konċentrazzjoni massima,” jgħid. L-esperjenza personali tiegħu fil-grawnd se tkun vantaġġ kbir. “Għext dak kollu li jgħaddi minnu referee: il-pressjoni, il-kritika, is-sodisfazzjon. Issa nista’ nifhem aħjar u nieħu deċiżjonijiet aktar bilanċjati.”
Bħala Chairman tal-Kumitat tar-Referees, Sant irid ikompli jibni fuq dak li diġà sar: aktar żvilupp, aktar appoġġ, u aktar innovazzjoni. “Il-mira tiegħi hi li nkomplu noħolqu ambjent professjonali u pożittiv, fejn ir-referees iħossuhom rispettati u motivati.”
Fl-aħħar mill-aħħar, il-viżjoni ta’ Alan Mario Sant tmur lil hinn minn kollox. Hija viżjoni ta’ futbol Malti aktar modern, kredibbli u attraenti, fejn ir-refereeing ikun pilastru sod u mhux punt ta’ dgħufija. U jekk il-passat tiegħu hu indikazzjoni, il-futur tas-settur jidher f’idejn persuna li taf x’inhu jiġri fil-grawnd għax kienet diġa’ hemm għal 24 sena sħaħ.



