L-għaqda non-governattiva Alarmphone għadha kemm qalet li hemm 75 immigrant li ilhom f’nofs ta’ baħar fuq dgħajsa tal-injam mil-lejl li għadda.
Alarmphone qalet li dawn l-immigranti talbuha l-għajnuna hekk kif ħarbu mil-Libja u kienu jinsabu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.
Spjegat li ġew informati l-awtoritajiet u anke ngħataw il-pożizzjoni tad-dgħajsa.
L-NGO qiegħda tgħid li matul il-lejl il-persuni komplew bil-vjaġġ tagħhom u ma ġewx salvati. Tgħid li mbagħad tilfu kuntatt magħhom fis-6.55 a.m. meta kienu kważi leħqu ż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Taljana.
Tgħid li bħala NGO huma jipprovdu aġġornamenti lill-awtoritajiet, iżda s’issa qallet li ma kien hemm ebda reazzjoni. Saħqet li issa huma l-awtoritajiet Taljani li jridu jsalvawhom.