Albaniż ta’ 36 sena, iżda residenti Għajnsielem ammetta quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li nhar il-Ġimgħa l-Kbira wettaq vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu.
L-Ispettur Mario Xiberra spjega quddiem il-Qorti li l-Pulizija tad-distrett ġew imsejħa biex jassistu persuna f’residenza privata f’Għajnsielem.
Hekk kif waslu sabu lill-allegat vittma fi stat ma tantx tajjeb. L-aggressur kien għadu fuq il-post u għalhekk ġie arrestat minnfuh.
Il-vittma allegat li kienet ilha mill-inqas sena u nofs taħt abbuż, emozzjonali, psikoloġiku u anke abbuż fiżiku mill-imputat.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn wara li ġiet eżaminata ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.
Quddiem il-Maġistrat Grech, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi kollha kontrih fosthom li ta’ fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li kkaġunala biża’.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset li l-imputat ammetta l-akkużi fi stadju bikri tal-investigazzjoni u għalhekk ikkundannatu sena ħabs sospiżi għal sentejn. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal 3 snin.
L-Ispettur Mario Xiberras mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukata Dr. Maria Bartolo Dimech mexxiet id-difiża.

