L-eks coach ta’ Milan, Inter, Juventus, Lazio u l-Ġappun, Alberto Zaccheroni, saritlu operazzjoni biex jitneħħilu embolu tad-demm minn rasu wara waqgħa fid-dar tiegħu.
Zaccheroi, 69 sena, waqa’ mit-taraġ tad-dar tiegħu f’Cesenatico il-Ġimgħa filgħaxija u ħabat rasu.
Huwa nstab minn membri tal-familja, u ġie meħud l-isptar fi stat mitluf minn sensih.
Nhar il-Ħadd kien hemm titjib fil-kundizzjoni tiegħu tant li reġa’ ġie f’sensih u seta’ jikkommunika mat-tobba.
Għalkemm għadu fil-kura intensiva, il-ħajja ta’ Zaccheroni mhix meqjusa bħala fil-periklu.
Il-coach rebaħ it-titlu tas-Serie A ma’ Milan fl-1998-99, imbagħad gawda suċċess fit-tmexxija tat-team nazzjonali tal-Ġappun fejn rebaħ l-AFC Asian Cup fl-2011 u l-EAFF East Asian Cup fl-2013.
Huwa rtira fl-2019 wara 20 partita bħala coach tat-team nazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda.